Fil-Partit Nazzjonalista kompla għaddej eżerċizzju li n-nies ta’ Adrian Delia jingħataw il-ġenb u flokhom jidħlu f’pożizzjonijiet importanti n-nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li reġgħet qed tieħu l-kontroll tal-partit, b’Bernard Grech bħala Kap.
Hekk kif is-Sibt li ġej hemm l-elezzjoni għall-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema, f’din il-lokalità għaddej dak li jissejjaħ block vote biex fil-kumitat Nazzjonalista jitilgħu biss in-nies ta’ Bernard Grech.
F’kitba fuq Facebook, li wara tħassret biex il-partit jgħatti u jaħbi l-firdiet li għad hemm, sar appell biex it-tesserati jagħżlu membri fil-kumitat sezzjonali, li għenu biex Bernard Grech sar Kap.
Fi kliem ieħor dawk ta’ Delia m’għandhomx jingħataw iċ-ċans li jkunu fil-kumitat u għalhekk għandu jsir block vote kontrihom.
Din il-linja ta’ ħsieb kompla jimbottaha Alan Abela-Wadge, magħruf kemm meta kien hemm Adrian Delia jmexxi lill-Partit Nazzjonalista, kien tnaffar u ma baqax jaħdem fil-partit għaliex huwa tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
L-Eks kunsillier Nazzjonalista tal-Imsida awgura lil dawk li ħarġu għall-elezzjoni tal-kumitat sezzjonali ta’ tas-Sliema u li huma favur il-ħidma attwali tal-Partit Nazzjonalista.
Għal dan il-kumment kien hemm reazzjonijiet ta’ bosta li kkummentaw dwar dan il-kumment diviżiv minn Abela-Wadge.
Wieħed staqsieh għala kiteb hekk u jekk ix-xemx fil-Partit Nazzjonalista telgħetx illum.
Qallu li qed jurta lin-nies b’kitbiet mimlija firda.
Qallu wkoll li meta tal-fazzjoni Busuttil ma jaqbililhomx jakkużawh li qed iħawwad u talab lil Abela-Wadge biex joħroġ rasu minn ġor-ramel.
Ieħor ukoll kiteb lil Abela-Wadge li kiteb kumment diviżiv u qallu li probabli hu jaħseb li huma biss iridu l-ġid tal-partit.
Lil dawn, Andrew Bundy, li kkummenta fuq dak li kiteb Abela-Wadge, qalilhom li huma sriep u ġrieden.
Qal li mbagħad għal nies bħal Abela-Wadge, il-qtates ma jridux il-ġid tal-partit.
Dan b’referenza għall-kumment ta’ Wayne Hewitt, esponent ieħor ta’ Bernard Grech u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li kien sejjaħ lil dawk tal-fazzjoni Delia bħala erbat iqtates.
Dan kollu qed isir ukoll fi sfond li mal-gazzetta Illum, Francis Zammit Dimech, li kien deputat Nazzjonalista fit-tmeninijiet, mistenni jerġa’ joħroġ għal Segretarju Ġenerali u jrid jibqa’.
Zammit Dimech, li fi żmien Delia daħal biex jimla l-kariga b’mod temporanju wara r-riżenja ta’ Clyde Puli, kien diġà daħħal lil tar-Repubblika u l-Occupy Justice fid-Dar Ċentrali sa minn żmien Delia bħala Kap.
Issa beda jimbotta l-qattus quddiem biex ħadd ma joħroġlu għan-nofs.