Fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu għaddejjin x-xogħlijiet estensivi ta’ restawr u manutenzjoni, waqt il-perjodu li l-Palazz jinsab magħluq għall-pubbliku.
Il-Palazz tal-Inkwiżitur huwa wieħed mill-eqdem palazzi tal-inkwiżizzjoni fl-Ewropa.
F’din il-binja nsibu ammonti kbar ta’ sentenzi tal-inkwiżizzjoni u sentenzi ta’ meta kien hemm il-Qorti Ċivili fi żmien l-Ordni.
Bħala parti minn dan il-proġett, qed isir xogħol ta’ tindif fil-bjar sabiex ikun jista’ jsir stħarriġ arkeoloġiku tal-fdalijiet li qiegħdin jittellgħu mill-bjar, kif ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni fis-sagristija, fuq it-twieqi li jagħtu fuq it-taraġ prinċipali u l-poġġamani tal-metall.
Qed jsir xogħol kuratorjali fuq il-kollezzjoni li tinsab fil-Palazz sabiex tibqa’ tinżamm fi stat tajjeb, kif ukoll qed jiġu analizati saffi ta’ pitturi storiċi bl-għajnuna tal-konservaturi fil-laboratorji.
Il-Kuratur Kenneth Cassar spjega ukoll li qed jsir xogħol tar-restawr fuq il-faċċata ta’ wara tal-Palazz mill-mastri ta’ Heritage Malta.
Huwa spjega: “Għaddej xogħol kuratorjali u huwa dmir taghna li l-kollezzjoni tinsab fi stat tajjeb u ntejbu fil-qgħada tagħhom.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera rrimarka li għandna ħaddiema li qegħdin jiġu mħarrġa fis-sengħa tal-ġebel permezz ta’ apprentistat li qed toffri Heritage Malta lill-istudenti tal-MCAST.
Il-Ministru Herrera qal: “Qed isir xogħol biex il-palazz jerġa’ jiġi fl-epoka ta’ kif nbidel. Dan il-palazz huwa wieħed mill-assi importanti.”


