Il-Kunsill Lokali tal-Mosta llum qed jieħu d-deċiżjonijiet biex iwettaq proġetti li, meta jkunu lesti,se jfissru ħajja aħjar għar-residenti tal-lokalità.
Tkellmu dwar dan id-deputati parlamentari Alex Muscat u Romilda Zarb fil-Parlament. Huma indirizzaw ukoll l-attakk aħrax li għamel fuq il-kunsill Mosti l-eks Sindku tal-Mosta u deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo.
Zarb u Muscat it-tnejn immarkaw id-differenza fit-tmexxija tal-kunsill lokali bejn illum u ż-żmien meta kien immexxi min-Nazzjonalisti.
Id-deputat Alex Muscat qal “Mela, min-naħa rridu l-proġetti, imbagħad nikkritikaw il-fatt li għaddej ix-xogħol b’ritmu mgħaġġel. Jien hekk irrid, li proġett jekk jista’ jsir f’inqas żmien jalla jsir f’inqas żmien biex dak l-inkonvenjent ikun l-iqsar possibbli.“
B’rabta ma’ proġetti li qed isiru fil-qalba tal-lokalità, il-kelliema rreferew għal konsultazzjoni pubblika li saret bil-għan li r-residenti u l-komunita kummerċjali jipparteċipaw. Saħqu kif kull proġett jiġi bl-isfidi tiegħu, iżda mbagħad jasal ir-riżultat.
Id-deputat Romilda Zarb qalet “Hemm kellna problema kbira ta’ għargħar u, grazzi għall-proġett li għamilna, fejn inżilna bi storm water culvert, grazzi għall-proġetti li għamilna, ir-residenti ta’ Triq il-Kbira jistgħu jħossu kemm din it-triq solvejnilha l-problema tal-għargħar.“
Il-Mosta, anke bl-appoġġ tal-Gvern ċentrali, fosthom permezz tal-Infrastructure Malta, rat bidliet kbar, bħal fiż-żona tad-Dib.
Romilda Zarb qalet “Kien hemm disa’ toroq differenti, li l-kunsill b’ħidma ma’ Infrastructure Malta, kien inħadem tender għal din iż-żona. Saru disa’ toroq f’daqqa, biex inkunu nistgħu noffru toroq aħjar.“
Id-deputat Alex Muscat irrefera wkoll għal numru ta’ proġetti li saru, fosthom dawk bi skop ambjentali.
Alex Muscat qal “Insemmi Ġnien Victor Calvagna, insemmi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, insemmi l-ħafna toroq li saru bis-saħħa tal-Gvern ċentrali.“
“Hekk irridu aħna: li naraw l-ibliet tagħna jkomplu jitjiebu permezz ta’ dawn il-proġetti. Proġetti li, x’se joħolqu? Spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji, traffiku iktar mexxej, u jkollok żona iktar sabiħa għar-residenti“