F’Ġinevra, l-Iżvizzera bdiet laqgħa bejn membri differenti ta’ gruppi opposti biex tinstab soluzzjoni dejjiema għal tmexxija magħquda fil-Libja.
Din il-laqgħa għandha tintemm ħamest ijiem oħra fejn fiha mistennija jiġu magħżula l-Prim Ministru u tliet persuni fil-Kunsill tal-Presidenża Libjana.
Preżenti għal din il-laqgħa hemm delegazzjonijiet miż-żewġ naħat tal-Libja, dawk tal-Gvern Libjan li għandu f’idejh il-Lvant tal-Libja flimkien ma’ dawk tal-ġeneral Haftar li għandu f’idejh il-Punent ta’ dan il-pajjiż.
Dan kollu qed isir taħt il-kappa tan-Nazzjonijiet Uniti hekk kif din l-awtorità mistennija tkun waħda temporanja li tistabilixxi l-għaqda fil-pajjiż u lejn tmiem din is-sena, issir elezzjoni ġenerali fil-Libja.
Ir-rappreżentant speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Stephanie Williams qalet li permezz ta’ din il-laqgħa qed jintbagħat sinjal li l-għaqda fil-Libja hija possibbli wara snin ta’ ġlied minn żmien il-waqgħa tar-reġim ta’ Muammar Gaddafi.
Il-Prim Ministru li se jintagħżel irid igawdi l-appoġġ ta’ sebgħin fil-mija tal-partijiet involuti fit-taħdidiet, b’wieħed u għoxrin persuna qed jikkontestaw għal din il-pożizzjoni għolja fit-tmexxija tal-Gvern Libjan. Dan filwaqt li erbgħa u għoxrin persuna oħra qed jikkontestaw għat-tliet siġġijiet fil-Kunsill tal-Presidenza Libjana.
Il-ġimgħa l-oħra, l-Istati Uniti taħt it-tmexxija tal-President Joe Biden appellat lir-Russja, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda sabiex iwaqqfu l-ġlied fil-Libja.
Intant, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres qal li l-Libjani qed jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jingħaqdu flimkien filwaqt li rrimarka li huwa importanti sabiex il-forzi barranin jirtiraw mil-Libja.