Jumejn qabel ma Malta tiftaħ b’mod sigur għall-istaġun turistiku, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li qed iħares ’il quddiem b’ottimiżmu u b’kawtela.
Fi programm ta’ diskussjoni l-Ħadd filgħodu, Robert Abela semma l-importanza tas-settur turistiku, li huwa sors ewlieni għall-ekonomija ta’ pajjiżna li minnu jgawdi kulħadd.
Il-Prim Ministru stqarr, “Il-kuntest huwa wieħed li rridu nibqgħu noħolqu dak il-bilanċ li dejjem imxejna fuqu fix-xhur li għaddew ta’ bejn is-saħħa li se tibqa’ ewlenija u l-protezzjoni tal-ekonomija u x’inhu l-vantaġġ li għandna llum? Il-vantaġġ ta’ dan il-pajjiż huwa li għandu ħafna mill-popolazzjoni tiegħu illi huwa mlaqqam. Mela hemmekk aħna se nkunu nistgħu nħarsu lejn ftuħ b’mod sigur.”
Il-Prim Ministru elenka l-għajnuniet tal-Gvern lil dan is-settur kruċjali, fosthom bil-vouchers, il-wage supplement u l-investiment ta’ €20 miljun biex jgħin lil dan is-settur jirpilja fiż-żmien li ġej.
Dan is-sentiment esprimieh ukoll rappreżentant ta’ lukanda ewlenija fid-diskussjoni mal-Prim Ministru.
L-Acting General Manager tal-lukanda Intercontinental, Neal Debono, stqarr, “Tagħmel kuraġġ, għal dak li qed jiddubita biex jiftaħ dawn huma passi u miżuri li jagħtu kuraġġ lill-industrija tagħna li ma tħossokx li qiegħed waħdek.”
Il-Prim Ministru semma l-fatt li pajjiżna laħaq l-immunità għall-Covid-19, li ġie ċċelebrat fuq livell Ewropew.
Hu sostna, “Ġie ċċelebrat fost il-mexxejja Ewropej anke fid-diskussjonijiet li kellna flimkien, ferħu bil-fatt li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-UE li laħqet il-herd immunity jiġifieri 70% tal-popolazzjoni adulta ħadet imqar l-ewwel doża u sinċerament ferħu magħna.”
Dr Abela ħabbar ukoll li l-Gvern lesta kull tip ta’ ħidma dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin, li se jagħti aċċess ukoll għal attivitajiet li jsiru f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru stqarr, “F’pajjiżna għandna kollox lest, kollox, jiġifieri ċ-ċertifikat tal-vaċċin ta’ pajjiżna lestejna kull aspett minnu. Dan għamilnih mhux għax ħlomna one fine day. Hawnhekk konna aħna fuq quddiem nett biex imbuttajna dan il-kunċett taċ-ċertifikat tal-vaċċin.”
Jorgen Souness, frontliner u parti mit-tim li qed imexxi l-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna, qal kif diġà, jiem biss wara li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat l-użu tal-vaċċin tal-Pfizer għal tfal ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena, ħafna ġenituri f’pajjiżna qegħdin jistaqsu minħabba t-tilqima għal uliedhom.
Souness sostna, “Diġà għandna rispons ta’ dawn il-ġenituri. Għandna rispons għax ġej is-sajf u kulħadd jixtieq imur barra minn Malta u talbuni anke biex dawn meta se jkun il-perjodu biex inlaqqmuhom.”
Il-Prim Ministru rrimarka l-ħidma sfieqa u għaqlija tal-Gvern biex jassigura biżżejjed dożi tal-vaċċin għall-poplu Malti u Għawdxi, u rringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa.