Membri tal-ekwipaġġ li ilhom itiru mal-linja nazzjonali tal-ajru snin twal baqgħu dejjem kburin bis-sehem tagħhom lejn il-kumpanija. Anke jekk tul is-snin l-Air Malta ffaċjat ukoll mumenti diffiċli.
Għaldaqstant ma setax jonqos li jkunu l-istess ħaddiema fost l-iktar li jilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li l-kumpanija għamlet il-qligħ għall-ewwel darba fi 18-il sena.
“Aħna bħala impjegati konna ferħanin ħafna, wara s-sagrifiċċju li għamilna bħala impjegati s-sena l-oħra fejn iffermajna l-collective agreement il-ġdid, fl-aħħar qed naraw ir-riżultati għax issa hemm profit ta’ one point two million operational profit,” qalet il-Kaptan Charmaine St. John.
Is-Sinjura St. John tkellmet magħha ftit wara li niżlet minn titjira. L-ewwel titjira wara li saret taf li l-kumpanija li taħdem għaliha qed taqta’ l-frott tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar ftit snin. Qligħ ta’ miljun u mitejn elf ewro.
Bħalha Maria Mifsud, chief cabin crew u li ilha erbgħa u għoxrin sena impjegata tal-Air Malta. Mifsud baqgħet sorpriża wkoll għal kemm tkellmu nies magħha sodisfatti b’dak li għamlet il-linja tal-ajru tal-Maltin.
“Aħna minn dejjem konna naħdmu bil-qalb u mmorru għax-xogħol bil-qalb, imma issa iżjed u iżjed li nafu li għandna pjan, mexjin ‘il quddiem nistgħu mmorru għax-xogħol u nħossuna kburin li nagħmlu parti mill-Air Malta,” qalet Maria Mifsud.
Fuq kollox il-motivazzjoni tiġi mill-fatt li l-kumpanija jidher li għandha ġejjieni sabiħ.
“Il-Ministru qalilna li għandu viżjoni ta’ tkabbir issa, suppost ħa nibdew intiru lejn l-Indja u lejn l-Afrika u dan huwa aħbar pożittiv għalina kollha bħala employees, għandna motivazzjoni, qed naraw il-frott tas-sagrifiċċju kollu li għamilna,” temmet tgħid il-Kaptan St. John.