Għall-istaff tas-servizz tal-ambulanza m’hemmx sajf u xitwa, lejl jew nhar u kull sejħa li ssirilhom fuq in-numru wieħed wieħed tnejn, tittieħed b’serjetà kbira għax tista’ tfisser ħajja jew mewt ta’ persuna.
Huwa stmat li sal-aħħar tas-sena jkunu saru aktar minn 42, 000 sejħa għal ambulanza.
Ċifri li kiseb one news juru li ta’ kuljum is-servizz tal-ambulanza fl-isptar Mater Dei jirċievi aktar minn mitt sejħa kuljum.
50% ta’ dawn is-sejħiet ikunu każijiet urġenti iżda li mhux ta’ periklu għall-ħajja, 45% jkunu każijiet li jitolbu għajnuna urġenti filwaqt li l-5%l-oħra jkunu każijiet urġenti li jkun hemm ħajja f’periklu.
L-infermier Quentin Chetcuti, ilu jaħdem f’dan id-dipartiment għal ħmistax-il senali matulhom iltaqa’ ma bosta esperjenzi li mmarkawlu ħajtu. Iltaqa’ ma nies li kienu f’xifer il-mewt iżda wkoll mumenti ta’ sodisfazzjoni.
Jispjegalna li l-urġenza tal-każ tiġi ddeterminata mill-infermier li jwieġeb it-telefonata fl-emerġenza. Qal li għalhekk huwa importanti li l-pubbliku jisma’ sew dak li jgħid l-infermier u jwieġeb il-mistoqsijiet kollha.
“Il-calls jiddependu, skont x’telefonata tidħol u skont x’emerġenza tkun. Le mhux dejjem ikunu każijiet t’emerġenza biss aħna xorta nittrattawhom bil-każ kif jidħol. Biss l-aktar ħaġa importanti meta xi ħadd iċempel fuq il-112 hu li jisma’ dak li jkunu qed nistaqsuh aħna”.
Huwa tenna li “Ir-raġuni hija li aħna normalment mhux just nieħdu l-indirizz u nibagħtu l-ambulanza. l-ewwel nett hemm kategoriji differenti ta’ ambulanzi hemm dawk li huma aktar urġenti minn oħrajn. l-iktar ħaġa li nagħfsu fuqu hi li jagħtuna l-informazzjoni ta’ dak li nkunu qed nistaqsu pereżempju jkun hemm xi ħadd li jċempel b’uġigħ f’sidru. Nistaqsu jekk dak li jkun għadux muġugħ jew jekk ibatix b’xi kundizzjonijiet ta’ saħħa. L-istess waqt inċidenti, importanti li jwieġbu dak li nistaqsu għax dak jiddependi r-rispons tagħna xi jkun”.
Fil-fatt meta d-dipartiment tal-emerġenza tidħollu informazzjoni li jkun hemm inċident serju jintbagħat ukoll tabib speċjalizzat. F’inċidenti li jinvolvu aktar minn persuna jintbagħtu wkoll żewġ ambulanzi kif ukoll jintalab rispons minn membri tal-Protezzjoni Ċivili.