Pitturi u skulturi proprjetà tal-mibki ko-fundatur ta’ Microsoft Paul Allen inbiegħu għal rekord ta’ $1.5 biljun. Dan kien l-akbar irkant tal-arti fl-istorja, skont Christie’s – l-ikbar negozjanti tal-arti lussuża fid-dinja.
Xogħlijiet ta’ Vincent van Gogh, Georges Seurat, Paul Gauguin, Paul Cezanne u Gustav Klimt mibjugħa kull wieħed għal aktar minn $100 miljun. Dawn huma somom li kisru rekords individwali għall-artisti stess.
Id-dħul mill-bejgħ se jingħata lil organizzazzjonijiet tal-karità appoġġjati minn Allen qabel mewtu fl-2018.
L-aktar biċċa arti li nxtrat kienet verżjoni żgħira ta’ pittura ta’ Seurat mill-1888: Les Poseuses, Ensemble. Din ġabet $149.2m inkluż il-miżati.
Esperti qalu li l-ultra-sinjuri qed iqisu din l-arti bħala investiment sikur fost ekonomija globali tumultuża u l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna.