Din l-istorja toħodna in-Nepal, fejn ħa jgħix Ramesh Darji tifel ta’ ħdax-il sena li qed ibati mill-Ichthyosis li hija kundizzjoni rari ħafna. Il-ġilda tiegħu, kulma jmur qed tinbidel, tiħrax u ssir aktar raffa, li qed tagħmlu jixbah iktar statwa tal-ġebel milli bniedem.
Il-ġenituri tiegħu għamlu minn kollox biex isibulu fejqan, imma t-tobba qalulhom li l-fejqan għalih jiswa ħafna flus. It-tifel spiċċa waħdu mingħajr ħbieb minħabba li minflok jiġbidhom lejh, iktar ibiegħdhom minnu, għax jibżgħu.
It-tifel li kellu twelid normali. Wara biss ħmistax-il jum minn meta twieled, il-ġilda fina tiegħu bdiet tinbidel għal waħda ħoxna. Matul iż-żmien dan wassal biex bil-mod il-mod, it-tifel beda jkun muġugħ, bilkemm jista’ jitħarrek, la jimxi u lanqas saħansitra jitkellem.
Missieru rrakonta li tal-eta’ tenera ta’ ħames snin, Ramesh kien ttarraflu li qed ikun muġugħ ħafna. Għall-perjodu twil ta’ żmien, kien jidher biċ-ċar li ma tantx kien hemm tama għat-tifel. Dan wassal biex ommu u missieru jaqtgħu qalbhom li qatt xi darba it-tifel jista’ jfiq. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, it-tifel beda jiskura fl-iswed u jsir qisu tal-ġebel. It-tifel issa qed ibati minn uġiegħ ma’ ġismu kollu.
Il-ġenituri qalu li binhom ma tantx jikkomunika magħhom. Jintefa jibki u jixher bl-uġiegħ u jinfurmahom, b’xi mod, biss, meta jkun bil-ġuħ jew biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu.
Missier it-tifel li jaqla sebat elef Rupee tan-Nepal, li jiġu bejn wieħed u ieħor ħamsa u tletin ewro fix-xahar, irrakonta li bil-paga tiegħu mhux biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż mediċi, għalhekk flimkien ma’ martu, ma kellux għażla oħra ħlief li jżommu lil Ramesh id-dar u jagħmlu minn kollox biex ma tantx iħalluh ibati, fejn jistgħu.
Ftit taż-żmien ilu qisu feġġ raġġ ta’ dawl għat-tifel. Kantanta minn Nepal, Sanjay Shrestha li nzertat qed tħejji kunċert mużikali mal-kantanta ingliża Joss Stone, rat filmat tat-tifel fuq il-media soċjali. Iż-żewġ kantanti ddeċidew li jagħmlu minn kollox biex permezz tal-mużika jgħinu lit-tifel finanzjarjament, bil-għan li fil-ġejjieni, Ramesh Darji jibda jgħix ħajja aħjar u forsi xi darba jibda jmur l-iskola għall-ewwel darba, bħal tfal tamparu.