Wara xhur ta’ konsultazzjoni u diskussjonijiet, intlaħaq qbil unanimu dwar l-emendi fl-Att dwar l-Ilsien Malti.
Pass li ġab is-sodisfazzjon għas-sitt għaqdiet tal-Malti f’pajjiżna, kif stqarr Olvin Vella, Lettur fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u President tal-Akkademja tal-Malti.
L-emendi mistennija jwasslu biex il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti jkun aktar demokratiku u rappreżentattiv, fid-dawl li issa se jkun hemm rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u tal-iskejjel Indipendenti, rappreżentant ieħor mill-Fakultà tal-Edukazzjoni, u l-akkademiċi li hemm l-Università se jibqgħu fil-Kunsill. Dan flimkien ma’ rappreżentant tas-Segretarju Permenanti taċ-Ċivil.
Intlaqgħet ukoll it-talba li l-Gvern jinvesti fl-iċċekjatur – dak li bl-Ingliż jissejjaħ spell checker. Xi ħaġa li fi kliem Vella se twassal biex naraw iżjed kitbiet bil-Malti.
Biex hekk il-pass li jmiss huwa li jinħatar il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti u jsiru laqgħat iżjed spissi mal-entitajiet ikkonċernati.