Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea unanimament qablu fuq il-linji gwida ta’ negozjar għat-taħdidiet ta’ Brexit mar-Renju Unit.
Is-sebgħa u għoxrin mexxejja ħadu inqas minn kwarta biex approvaw dawn il-linji gwida għan-negozjati li kienu nħarġu fil-wieħed u tletin ta’ Marzu mill-President tal-kunsill ewropew, Donald Tusk.
It-taħdidiet mar-Renju Unit mistennija jibdew wara l-elezzjoni ġenerali fit-tmienja ta’ Ġunju li ġej.
F’ittra lill-mexxejja qabel dan is-summit speċjali, Tusk kiteb li l-progress fuq in-nies, il-flus u l-Irlanda għandu jasal qabel in-negozjati fuq ir-relazzjoni futura tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit.
Tusk kiteb li taħdidiet separati ser ifittxu li jaqblu fuq id-drittijiet ta’ ċittadini ewropej li jgħixu fir-Renju Unit kif ukoll fuq Brittaniċi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea.
Mhux biss, iżda anke dwar l-obbligazzjonijiet finanzjarji tar-Renju Unit bħala membru stat tal-Unjoni Ewropea.
F’messaġġ fuq Twitter il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat kiteb li l-qbil dwar il-linji gwida għan-negozjati dwar Brexit intlaħaq fl-iqsar ħin possibbli, fejn dan juril-unità li hemm bejn is-27 membru stat fl-Unjoni Ewropea.