Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal innota li hemm qbil unanimu dwar l-introduzzjoni tal-bordijiet tal-appell, bħala parti mill-emendi proposti dwar il-professjonijiet tal-psikoloġija, tal-ħaddiema soċjali u l-‘counselling’.
Dan intqal fi stqarrija tal-istess Ministeru li rreaġixxiet għal dak li ntqal mill-Fakultà għall-Benesseri Soċjali li esprimiet it-tħassib tagħha għal mod kif l-abbozz ta’ liġi mressaq ma jispeċifikax il-kriterji meħtieġa biex jiġi maħtura l-bordijiet tal-appell.
Kien għalhekk, li apparti li nnota kif dwar dawn l-emendi hemm qbil unanimu, l-Ministeru kkjarifika kif kwalunkwe deċiżjoni għandha tkun appellabbli għaliex dan huwa dritt fundamentali, prinċipju ta’ ġustizzja, u mnebbaħ minn regoli ta’ governanza tajba.
Apparti minn hekk, l-Ministeru serraħ ras il-pubbliku kif qabel l-istadju ta’ Kumitat fil-Parlament, se jkunu qegħdin isiru laqgħat mal-partijiet kollha kkonċernati.
Il-Ministeru temm jinnota kif dejjem ħadem biex isaħħaħ il-professjonisti soċjali bil-għan li tingħatalhom l-għajnuna li hemm bżonn filwaqt li żgura kif din il-ħidma għandha tkompli tipprovdu settur vibranti li jattira iktar persuni lejh.