Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess (MCF), immexxija mill-President Duncan Vella, daħlet fi qbil storiku ma’ Luigi Maggi, il-President tal-Federazione Scacchistica Italiana. Din il-kollaborazzjoni ser tippermetti plejers taċ-ċess Maltin li huma membri tal-MCF, sabiex jipparteċipaw f’tournaments esklussivament Taljani, u biex titrawwem iktar il-kompetizzjoni internazzjonali u l-ħbiberija bejn iż-żewġ Federazzjonijiet.
Is-sur Maggi ikkummenta, ‘Jien fiduċjuż li dan l-arranġament ser isaħħaħ iktar il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi u l-federazzjonijiet tagħna.’ Dan il-qbil mhux biss ser iħeġġeġ plejers Maltin jieħdu sehem fil-Kampjonati Taljani, iżda ser joffri wkoll l-opportunità lil plejers żgħażagħ biex jipparteċipaw fi programmi Taljani ta’ taħriġ.
Is-sur Vella spjega kif l-idea ta’ dan il-ftehim oriġinat waqt laqgħa fil-Kungress tal-FIDE li sar ġewwa Budapest f’Settembru li għadda. ‘Jien kont ikkumentajt mas-Sur Maggi li hemm ħafna plejers Maltin li jipparteċipaw fil-kampjonat CIS (Team League Taljan), billi jingħaqdu ma’ timijiet Sqallin. Kont ipproponejt l-idea li jaċċettaw plejers Maltin mingħajr il-bżonn li dawn jingħaqdu ma’ klabbs Sqallin.’ Din id-diskussjoni wasslet għat-tfassil tal-kuntratt f’Diċembru, sakemm issa laħaq il-qofol tiegħu fl-iffirmar tal-ftehim finali. Vella żied, ‘Ninsab fiduċjuż li l-plejers Maltin taċ-ċess ser jaħtfu din l-opportunità li jikkompetu f’pajjiż tant viċin tagħna, kontra avversarji iktar b’saħħithom..’
Diġà bdew it-tħejjijiet mit-timijiet Maltin li ser jipparteċipaw fil-League Taljan CIS skedat għal nofs Marzu.