Intlaħaq qbil bejn il-Gvern, il-Kordin Grain Terminal, u l-importaturi tal-qmuħ sabiex l-importaturi jixtru l-qamħ f’ammonti akbar u l-ispejjeż tal-ħażna żejda jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern.
Dan il-ftehim se jwassal biex il-prezzijiet lokali tal-prodotti li huma magħmula mill-qmuħ u ċ-ċereali jibqgħu stabbli. Din hija miżura oħra li qed jieħu l-Gvern sabiex, bħalma għamel anke rigward il-prezzijiet tal-enerġija, jagħmel b’rabta mal-prezz tal-qmuħ, li minħabba l-gwerra fl-Ukrajna qed jisplodu ’l fuq fl-Ewropa kollha u anki lil hinn minnha.
Il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, ħabbar dan il-ftehim waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-moll li minnu jinħatt il-qamħ.
“Naraw illi jekk fil-ġranet, ġimgħat, li ġejjin ikunu qed jiżdiedu l-prezzijiet mill-importazzjoni tal-prodotti ma tkunx qed taffettwa s-suq lokali. B’dan il-mod kif qed naħdmu, il-Gvern, allura, li ngħinu u nissussidjaw l-istorage ta’ dak il-prodott, inkunu qed ngħinu sabiex il-bdiewa u r-raħħala tagħna, u dak kollu li l-importaturi jużaw il-qamħ u ċ-ċereali ġewwa pajjiżna, il-pressjoni taż-żieda fil-prezzijiet ma tkunx qiegħda fuqhom u allura eventwalment dik tirrifletti mbgħad kieku f’żieda oħra fil-prezzijiet ta’ dak li nikkonsmaw, hemmhekk il-gvern rajna li nintervjenu bis-saħħa fuqha wkoll.”
Il-Ministru Schembri ħabbar ukoll investiment ta’ ftit aktar minn erba’ miljun ewro fi krejn ġdid state-of-the-art li se jieħu post dak eżistenti, li ilu jopera 37 sena. Permezz ta’ dan l-investiment, ix-xogħol tal-ħatt aktar effiċjenti.
Huwa qal li s-sena li għaddiet inħattu aktar minn 100,000 tunnellata metrika ta’ qamħ għas-suq lokali.
It-tibdil għall-krejn il-ġdid se jsir f’Settembru u Ottubru li ġejjin. Matul dak il-perjodu, l-operat tal-ħatt tal-qamħ se jkun wieqaf. Madanakollu, l-importaturi huma diġà mgħarrfa b’dan biex jilħqu jippreparaw biex ikun hemm provvista biżżejjed.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kordin Grain Terminal , Alex Agius, spjega l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom l-importaturi tal-qamħ kollha madwar id-dinja.
“Id-dinja kollha saret limitata minn fejn tista’ tixtri, id-demand and supply, u allura awtomatikament kien hemm żieda sostanzjali fil-prezz li affetwat ħafna s-suq. Saret diffiċli biex issib tixtri u l-prezzijiet huma ħafna iżjed għoljin.”
Huwa għamel aċċenn għall-importanza li jinbidel il-krejn eżistenti. Dan mhux biss se jfisser aktar effiċjenza, imma li mal-moll ikunu jistgħu jsorġu vapuri ferm akbar minn dawk li qed jidħlu fil-preżent.
“Il-lokal, ovvjament, se jiġi moqdi ħafna aħjar milli qed jiġi moqdi llum, għax illum il-ġurnata, minħaħħa l-limitations li għandna b’dan il-krejn, minħabba ħsara li saritlu, qed ikollhom jirrikorru għal vapuri żgħar b’aktar spejjeż. Allura, bil-krejn il-ġdid, se jkun hemm aktar faċilità u mod ta’ kif jista’ jinħattu vapuri kbar li l-prodott jiswa inqas biex imbagħad tixtrih.”