Waqt laqgħa bejn il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija l-Perit David Xuereb, qablu li l-innovazzjoni u r-riċerka huma kruċjali għall-aħjar futur ekonomiku ta’ Malta u ta’ Għawdex.
Il-Ministru Bonnici radd ħajr lill-Kamra tal-Kummerċ Maltija li sabet ħin għal din il-laqgħa, fejn ġiet diskussa l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni, anke fil-kuntest tal-istrateġija għall-pajjiżna wara l-pandemija.
Huwa stqarr li din il-laqgħa tixhed dak li verament jemmnu fih, iż-żewġ naħat, jiġifieri, li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu l-qofol tal-avvanz soċjali, kif ukoll ekonomiku ta’ Malta. Dan anke fid-dawl tat-tfassil ta’ triq ’il quddiem wara li tgħaddi l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Ministru Bonnici stqarr li jinsab kommess fuq il-ġid kbir li joħroġ minn koperattiva għat-titjib tal-ħajja tal-familja u n-negozji.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-Ministeru sabiex iħejji strateġija ekonomika u soċjali biex il-pajjiż jaqbad it-triq lejn irkupru wara l-imxija tal-Covid-19. Din l-istrateġija se tkun ibbażata fuq ekonomija sostenibbli, diġitali u innovattiva.
Huwa sostna li l-Kamra diġà għamlet ħafna xogħol imprezzabbli, permezz ta’ kumitati interni fosthom it-Think Tank f’dawn l-aħħar xhur.
Is-Sur Xuereb tenna li l-Kamra tal-Kummerċ Maltija u l-membri tagħha ser ikunu lesti li jaħdmu id f’id mal-Gvern għall-aħjar strateġija post-Covid.
Waqt din il-laqgħa, iż-żewġ partijiet qablu dwar il-ħtieġa ta’ iktar ħidma bejn l-entitajiet rispettivi fis-setturi li ġew diskussi matul il-laqgħa.
Ritratti (MRIC)