Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, esprima qbil mal-fehma tal-Malta Union of Teachers li għandha ssir analiżi bis-serjetà tal-qagħda fost l-għalliema u l-interess jonqos għal din il-karriera.
Il-Ministru kien mitlub jirreaġixxi għall-kummenti tal-President tal-Unjin tal-Għalliema li qalu li għandu jkun hemm task force li tanalizza n-nuqqas ta’ għalliema, b’mod partikolari f’ċerti setturi bħal dak tal-primarja.
“Jien inkun lest naraw kif inhi s-sitwazzjoni. Jien niltaqa’ ma’ ħafna għalliema u dak li jgħidu lill-MUT jgħiduh lilu wkoll. Naħseb li wasal iż-żmien li nagħmlu stħarriġ tas-sitwazzjoni u nieħdu l-passi meħtieġa biex ngħinu lill-għalliema fil-missjoni diffiċli li għandhom,” qal il-Ministru Bartolo.
Bartolo qal li min jidħol għall-kariga ta’ għalliem jaffaċċja sfidi kbar. L-ikbar ilment min-naħa tal-għalliema ikun dwar in-nuqqas ta’ dixxiplina li jaraw ta’ kuljum fit-tfal tal-iskola, nuqqas li kapaċi joħloq kunflitt bejn il-ġenitur u l-għalliem li l-Ministru Bartolo jisħaq li ma jagħmel ebda ġid lill-istudenti.