F’laqgħa li saret il-Ħamis filgħodu bejn l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT kien hemm qbil fil-prinċipju favur il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Fl-istess laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi fosthom dwar l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef qal li s-sitwazzjoni preżenti qed twassal biex ikun hemm bidla fil-mod ta’ kif isiru l-affarijiet. Il-Perit Micallef semma l-fatt li l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista taqbel mal-prinċipju li jinfetħu l-iskejjel tant li sostna li hija prijorità li fis-sena skolastika li ġejja l-istudenti jirċievu t-tagħlim fil-klassi.
Is-Sur Daniel Micallef stqarr: “Li ħadt pjaċir waqt din il-laqgħa huwa li l-bażi ta’ qbil, il-prinċipju ewlieni li naqblu fuqu mal-MUT huwa li aħna nixtiequ li naraw lit-tfal lura fl-iskola jieħdu l-edukazzjoni u t-tgħalim tagħhom.”
L-istudenti għandhom jieħdu t-tagħlim tagħhom fl-ambjent ta’ skola, f’ambjent li jkun sigur għalihom u għall-edukaturi wkoll biex l-isfida tal-pandemija tkun megħluba.
Fl-indirizz tiegħu l-President tal-MUT Marco Bonnici qal li waqt li l-iskejjel kienu magħluqa minħabba l-pandemija kien żmien ta’ opportunità ta’ tagħlim biex jiġu indirizzati xi nuqqasijiet li seta’ kien hemm biex l-esperjenza edukattiva tkompli titjieb. Is-Sur Bonnici qal kif il-unjin għandha relazzjonijiet tajba mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, u semma kif din ir-relazzjoni qed twassal biex id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa jwasslu għal soluzzjonijiet finalment għal ġid tal-istudenti u l-professjonisti fis-settur edukattiv.
Is-Sur Bonnici indika li ċertu protokolli li ġew imposti biex tiġi mħarsa saħħet dawk kollha li jattendu l-iskejjel jistgħu jnaqqru mir-riżors uman, u għalhekk bħalissa għaddejjin diskussjonijiet oħra mal-imsieħba soċjali biex tiġi indirizzata din il-problema.
Intant, id-Deputat Mexxej Laburista sostna li jittama li d-diskussjonijiet li qed isiru bejn il-unjin u l-Gvern jaslu f’soluzzjonijiet għal ġid ta’ kulħadd: “Aħna niddefendu d-dritt ta’ kull unjin li tiddefendi l-membri tagħha u d-drittijiet tal-membri tagħha, iżda bla dubju l-għalliema jixtiequ jmorru wkoll lura fil-klassijiet tagħhom mal-istudenti tagħhom f’ambjent fejn iħossuhom siguri biex ikomplu mhux biss il-vjaġġ akkademiku tat-tfal, l-iskola mhix akkademja biss imma proċess ukoll ta’ formazzjoni. U aħna nħarsu ‘l quddiem li dawn is-soluzzjonijiet jinstabu sabiex it-tfal, l-għalliema u l-pajjiż jkun jista’ jkompli ovvjament b’dan il-vjaġġ għal ġid ta’ kulħadd.”