Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Bugeja Said, attendiet għall-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd fi Brussell, fejn ġew diskussi temi rilevanti għas-settur.
Hija rrikonoxxiet il-viżjoni strateġika tal-Presidenza Ungeriża u l-proċess trasparenti tal-opportunitajiet tas-sajd. Semmiet ukoll il-kontribut ta’ Malta fil-laqgħat annwali tal-GFCM u tal-ICCAT, u enfasizzat ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fiġ-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut.
Alicia Bugeja Said saħqet li l-UE għandha tkun magħquda fil-Regional Fisheries Management Organisations (RFMOs) u trid tkompli tiddefendi l-interessi tal-Istati Membri kontra pajjiżi terzi li ma jirrispettawx il-liġijiet internazzjonali.
Hija wkoll enfasizzat l-importanza tal-kompetizzjoni globali u l-ħtieġa ta’ pożizzjoni b’saħħitha fir-rigward tas-sajd sostenibbli u żvilupp ekonomiku. Malta esprimiet appoġġ għall-proposti tal-kwoti tas-sajd għall-2025, fiduċjuża li jirriflettu bilanċ bejn sostenibbiltà u żvilupp ekonomiku.
Bugeja Said kkonkludiet li Malta tibqa’ impenjata għal politiki sostenibbli u ekwi fir-reġjun tal-Mediterran, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li tiġi konvinta l-ġlieda kontra s-sajd illegali (IUU).
Fil-marġini tal-laqgħa, hi laqgħet ukoll il-Kummissarju l-ġdid għas-Sajd, Costas Kadis, u awguratlu suċċess fl-irwol il-ġdid tiegħu.