Il-Parlament approva bidliet fil-mod kif ikunu maħtura l-ġudikanti. L-emendi jipprovdu wkoll għad-dixxiplina tal-ġudikanti. Il-bidla li se tkun qed tidħol fis-seħħ wara snin ta’ diskors u wara li l-gvern ippreżenta din ir-riforma li se tara t-twaqqif ta’ Kummissjoni li tiskrutinizza dawk ikkunsidrati għall-ħatra ta’ ġudikant.
Din il-liġi kienet deskritta bħala waħda storika mill-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici. Il-Kummissjoni se jkollha jpoġġu fuqha lill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Prim Imħallef. Hemm ukoll is-sehem tal-President tal-Kamra tal-Avukati.
L-avukati li se japplikaw biex isiru ġudikanti jibqgħu sigrieti sakemm il-gvern ma jaħtaromx fil-ġudikatura.
“Se nkunu nistgħu nagħtu lill-pajjiż din ir-riforma kostituzzjonali li tant konna ilna nistennew,” qal il-Ministru Bonnici.
Meta kien qed jagħlaq id-diskussjoni, il-Ministru Bonnici qal li lill-pajjiż se jagħtuh riforma kostituzzjonali kruċjali u importanti li ilna s-snin nistennew li ssir.
Huwa talab lill-pubbliku biex ma jissottovalutax is-saħħa u l-qawwa tal-emendi li qed isiru. Ix-xogħol jolqot it-tessut tas-soċjetà, il-pedeamenti ta’ dak li jagħmilna demokratiċi, ta’ dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin u Ewropej.
Ikkummenta wkoll il-Prim Ministru li fisser din il-bidla bħala waħda importanti.