Wasteserv flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, u l-iskemi ta’ Greenpak u Green MT waslu għal qbil dwar il-ġbir tal-ħġieġ għar-riċiklaġġ.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, is-Sur Richard Bilocca hekk kif spjega li dan il-ftehim daħal fis-seħħ mill-ewwel ta’ Settembru.
Dan bħala parti minn strateġija li ser tassigura li l-ħġieġ kollu li jinġabar imur għar-riċiklaġġ.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv li hija l-aġenzija ewlenija f’pajjiżna li tieħu ħsieb immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna.
Is-Sur Bilocca stqarr: “Jekk f’dan il-punt kritiku tal-kollezzjoni l-proċess eżempju l-ħġieġ jiġi kkontaminat b’kaxxi tal-kartun, boroż tal-plastik, li dak il-ħġieġ aħna ma nkunux nistgħu nużawh hemmek qegħdin l-isforz li qed jagħmlu n-nies jispiċċa fix-xejn.”
Is-Sur Bilocca spjega r-raġuni ewlenija wara din id-deċiżjoni: “Flok il-pajjiż ikun f’pożizzjoni li jbiegħu dan il-ħġieġ biex ikun jista’ jerġa’ jintuża qegħdin nispiċċaw inħallsu l-flus. Jiġifieri aħna qegħdin ngħidu ejja nirrispettaw l-isforz li qed jagħmlu n-nies u niżguraw li dak il-ħġieġ qed nieħdu ħsiebu bl-aħjar mod possibbli biex nieħdu l-aktar valur possibbli minnu.”
Intant is-Sur Bilocca fakkar ukoll fl-importanza li l-poplu jibqa’ jissepara l-iskart. Elenka wkoll xi mezzi li jistgħu jintużaw biex jiġi sseparat l-iskart.
Huwa sostna: “Nies li ma jaffordjawx joħorġu l-ħġieġ kull xahar għandhom diversi options oħra. Hemm l-Ibins, hemm anke bring-in sites f’diversi rħula fejn il-ħġieġ jista’ jintefa hemmhekk u anke aħna l-Wasterserv għandna civic amniety sites fejn jistgħu jmorru, għandna wkoll ir-road-show truck li jdur raħal, raħal fejn in-nies jistgħu jiddisponu ħġieġ u anke skart ieħor.”
“Dawn l-options mhux qed isiru biex ifissdu n-nies jiġifieri n-nies għandhom dritt li jkollhom altnernattivi, li jkollhom options ħalli b’hekk l-irriċiklar isir iktar faċli ħalli l-pajjiż ikompli jtejjeb il-perfomance tiegħu.”