Negozjati bejn l-Università ta’ Malta u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, wasslu sabiex intlaħaq qbil dwar ftehim kollettiv ġdid għal-letturi tal-Junior College.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, flimkien mal-President tal-MUT, Marco Bonnici, waqt il-laqgħa ta’ dalgħodu tal-Kabinett tal-Gvern, li ttrattat is-settur edukattiv.
Filwaqt li spjega li bħalissa l-MUT hija impenjata biex tiffinalizza ftehimiet kollettivi oħrajn li jikkonċernaw l-għalliema fi ħdan l-MCAST, l-ITS, u l-IFE, Bonnici qal li b’dan il-ftehim se jkunu qed jintlaqtu l-għalliema tal-Junior College.
“Matul dawn l-aħħar xhur intensifikajna ħafna mal-Junior College u mal-Università ta’ Malta u llum, fil-fatt, żvelajna, kemm jien u kemm il-Ministru, li wasalna issa biex niffirmaw dan il-ftehim kollettiv. Dan il-ftehim ifisser li l-letturi tal-Junior College se jkunu qed jieħdu pakkett finanzjarju mtejjeb u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u għaldaqstant ikunu jistgħu jagħtu iżjed servizz lill-istudenti tagħhom.”