Fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ntlaħaq qbil biex ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar Rosianne Cutajar jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu.
Ir-rappreżentanti tal-Gvern fuq dan il-Kumitat, il-Whip Glenn Bedingfield u l-Ministru Edward Zammit Lewis ma sabu l-ebda diffikultà biex dan ir-rapport jiġi ppubblikat wara li tressaq minn Hyzler nhar il-Ġimgħa li għadda.
Fil-bidu tal-laqgħa tal-Kumitat, li damet inqas minn kwarta, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport iżda n-naħa tal-Gvern qalet li lanqas hemm bżonn din il-mozzjoni għaliex hi tixtieq li dan ir-rapport jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu.
Wara dan il-qbil, l-Ispeaker tal-Parlament Dr Anġlu Farrugia qal li l-ġimgħa d-dieħla mistennija laqgħa oħra għad-diskussjoni tar-rapport, b’Hyzler ikun preżenti u jwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu fuq dak li ħejja.