Il-Kanċillier Brittaniku, Kwasi Kwarteng, li huwa responsabbli mill-finanzi fir-Renju Unit ħabbar li hemm qbil sabiex il-pjanijiet tat-tnaqqis fir-rata tat-taxxa għal dawk li jaqilgħu l-aktar, se jitneħħew.
Fi stqarrija, qal li l-proposti fil-mini-budget għaxart ijiem ilu rriżultaw f’numru ta’ problemi.
Din il-U-turn waslet wara li bosta Membri Parlamentari tal-partit li tmexxi l-Prim Ministru Lizz Truss esprimew oppożizzjoni qawwija kontra l-pjan ekonomiku.
Sal-bieraħ, Truss qalet li hija impenjata biex twettaq dawn il-miżuri, li skont kliemha kienu se jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku fir-Renju Unit.
Mhux tal-istess fehema kienu ħafna mill-Membri Parlamentari tagħha stess, l-oppożizzjoni u anke s-swieq ġenerali li raw il-valur tal-Lira Sterlina jikrolla.
Fil-fatt, dawn il-miżuri kellhom jiġu vvotati fil-Parlament, iżda Truss ma kellihiex il-vot tal-maġġoranza biex ikun jista’ jgħaddi dan il-baġit.