Grazzi għall-intervent tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, u l-Kulleġġ MCAST laħqu ftehim dwar il-mod kif għandhom jimxu ’l quddiem fit-trattattivi biex jingħalqu n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv tal-għalliema fil-gradi akkademiċi.
Fuq il-websajt tagħha, l-unjin qalet li kien hemm laqgħat intensivi fl-aħħar ġimgħat biex jiġu eliminati differenzi bejn iż-żewġ naħat u jħaffu n-negozjati għal ftehim kollettiv ġdid.
L-MUT tenniet li progress sinifikanti issa ntlaħaq u l-MUT se tkun qed tiltaqa’ mal-għalliema fil-gradi ta’ letturi nhar it-Tlieta li ġej biex taġġornahom dwar dan. Laqgħat simili ma’ gradi oħrajn ta’ għalliema se jsegwu.
Għal dan il-għan, l-unjin ħabbret li se tissospendi d-direttiva dwar il-marki tal-istudenti b’effett mit-Tlieta tletin ta’ Jannar.
It-taħditiet għal qbil ilhom għaddejjin, wara li saħansitra studenti tal-MCAST anke ħarġu mill-klassijiet f’sinjal ta’ protesta kontra l-azzjonijiiet industrijali fil-Kulleġġ, li ħallewhom imħassbin.
Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, minkejja li jirrispetta l-awtonomija fl-MCAST, intervjena u offra l-assistenza tiegħu biex jiġu konklużi dawn in-negozjati.