Jacqueline Camilleri: omm li 3 snin ilu rċieviet aħbar li qatt ma ħasbet li kienet se tisma’, li għandha l-lewkimja, kanċer fiċ-ċelloli tad-demm.
Fil-bidu kollox kien jidher normali, tant li qatt ma kienet tassumi li naqra qtigħ in-nifs u tbenġil seta’ jindika li kellha dak li kellha.
Qalet “X’ħin bdejt nitla’ t-taraġ bdejt naqta’ ħafna nifsi. Bdejt inwaħħal fil-maskra. Konna mmorru nimxu jien u r-raġel fi żmien il-COVID, biex toħroġ naqra, u naqta’ nifsi. Erba’ passi u ngħidlu’, ‘Għajjejt’. Jgħidli, ‘Għajjejt, erba’ passi?’.
Imbagħad ħariġli t-tbenġil f’saqajja, f’postijiet li mhux normali li tolqot. Ngħidlek il-verità, urejthom lill-mamà. Għidtilha, ‘Ara naqra kemm għandi tbenġil,’ imma ma tajtx kas u waqfet hemm. Qabditni sogħla tal-allerġija u s-soltu taqbadni f’Novembru, u għidt, ‘Aħjar immur għand it-tabib’.”
Wara li marret għand it-tabib u ħadet it-test tad-demm, ftit tal-ġranet wara fuq ix-xogħol, irċiviet telefonata mingħand żewġha li qalilha biex tħalli kollox u tistennieh sabiex jwassalha l-emerġenza tal-isptar. Kien hawnhekk li t-tabiba ħabbret lil Jacqueline li kellha l-lewkimja.
Hija spjegatilna li t-trattamenti kienu diffiċli, speċjalment minħabba l-fatt li kien żmien il-COVID u għalhekk qrabatha ma kellhomx l-opportunità li jżuruha. Minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid, spiċċat kellha tqaxxar xagħarha hi stess u qaltilna “Għidt lill-oħti, xtratli l-magna u ġabitli magna. Qaxxartu waħdi, għax dik l-għafsa ta’ qalb.”
Hija kompliet tgħidilna fuq it-trawma li għaddiet minnha hekk kif affaċċjat il-mewt diversi drabi. Għaddiet ukoll minn trawma finanzjarja li marda titfa’ fuq individwu hekk kif jipprova jlaħħaq mal-ispejjeż tal-mediċini u t-trattamenti. Irrakontat konversazzjoni li kellha mat-tabib fejn qalet “Lit-tabib għidtlu – mhux għax jiena xi sinjura, jien naħdem u r-raġel jaħdem – ‘Don’t worry, issa nixtriha.’ Qalli, ‘Taf x’qed tgħid? Din 40ml mistura, jiġifieri tispiċċa f’erbat ijiem jiġru.’ Qalli, ‘That’s €300 a bottle.’”
Kien hawnhekk fejn Puttinu kien ta’ spalla għaliha. Mill-ewwel, din l-organizzazzjoni filantropika offriet l-għajnuna tagħha lill-familja Camilleri. Jacqueline spjegatilna kif Puttinu dejjem assiguraha li, meta titla’ Londra għall-kura, kien se jkollha saqaf fuq rasha, kemm għaliha kif ukoll għal-familja tagħha.
Kien hawnhekk fejn Jacqueline xtaqet tgħid “Irrid nirringrazzja ħafna lil Puttinu illi għenna bil-kbir- jiġifieri lil rennie u lil Angele. Nirringrazzja anke lill-Community Chest Fund, li kienet miegħi u, fl-aħħar u mhux l-inqas, nirringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna kbira illi tani, u lin-nurses u t-tobba.”
Kompliet tgħidilna li l-kooperazzjoni bejn il-Gvern u Puttin tagħti garanzija li jingħataw il-kura u l-mediċina meħtieġa mingħajr piż finanzjarju żejjed fuq il-marid. Ftakret f’kif pazjenti mhux Maltin li kienet tiltaqa’ magħhom Londra kienu jikkummentaw b’mod pożittiv fuq kemm il-pazjenti Maltin isibu appoġġ.
Hija qaltilna ukoll “Jibdew jistaqsuk, jiġifieri, u tgħidilhom, ‘No the government pays and we stay here.’ U tibda’ tgħidilhom fuq Puttinu u li l-flat huwa b’xejn, u dawn jibqgħu hekk, u jgħidlek, ‘Everything free?’. Anke l-mediċina li nieħdu hemm.”
Jacqueline appellat minn qalbha lit-telespetttauri ta’ One News biex, fil-Ġimgħa l-Kbira, jiftakru f‘Puttinu waqt Il-maratona ta’ ġbir tal-fondi li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet televizivi kollha, inkluż ONE.
Hija appellat lill-pubbliku biex ma joqgħodx lura milli jagħmel check-ups għax, bħalha, qatt ma taf meta tista’ tispiċċa jkollok bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu.
Finalment ħallietna b’ l-aħħar messaġġ fejn qalet “Anke n-nies ngħidilhom, ‘Agħmlu ċ-check ups u toqogħdux lura, għajnuna hawn, kanċer mhux l-aħħar tad-dinja. Tista’ tfiq.”