Il-faċċata tal-Knisja Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta se tiġi restawrata permezz ta’ fondi minn dak magħruf bħala l-Planning Development Fund.
Dan tħabbar mis-Sindku Belti Alfred Zammit waqt il-Quddies Pontifikali fil-jum li tiġi mfakkra l-miġja ta’ San Pawlu Nawfragu f’pajjiżna.
Hawn is-Sindku tal-Belt qal, “Fil-belt għażiża tagħna sar ħafna restawr u issa kien imiss lil dan it-templju li huwa tempju tal-poplu kollu, il-Kolleġġjata ta’ San Pawl. Dan il-proġett ser isegwi wkoll b’dawl ġdid kif jixraq lil din il-Kolleġġjata. Min-naħa tal-Kunsill Lokali se nkunu qed nagħtu l-appoġġ amministrattiv kollu biex dan ix-xogħol isir mingħajr dewmien.”
Waqt l-istess quddies pontifikali għal sena oħra ġiet irrakkontata l-istorja li ressqet il-fidi Nisranija lejn il-poplu Malti.
Kienet tempesta li żvijjat il-vjaġġ tal-ġifen li fuqu kien San Pawl. Wara jiem li matulhom la dehret ix-xemx u wisq anqas il-kwiekeb, il-ġifen inkalja f’Malta.
“Niesha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.” Dawn huma l-kliem li baqgħu jidwu għal sekli sħaħ.
Dan hekk kif il-Maltin ħadu ħsieb lil dawk abbord il-ġifen u saħansitra xegħlu ħuġġieġa li minnha nibtet lifgħa. L-istess lifgħa li qabdet ma’ id San Pawl u dan farfarha ġon-nar u ma ġralu xejn.
Waqt il-paniġierku ntqal kif Alla ma ħalaqx lill-bniedem sabiex jitfgħu f’niċċa iżda ħalqu sabiex jitfgħu f’toroq ġodda, toroq bla mappa.
Il-Kanonku Anton Galea Scannura spjega li fl-10 ta’ Frar infakkru l-miġja ta’ San Pawl għaliex ta’ kull sena jiggwidana minn toroq ġodda.
Iċ-ċelebrant sostna li f’dinja għajjiena, dinja li xebat tirrepeti l-istess kliem u dinja rrabjata, għandna għal darb’ oħra nilqgħu lil Pawlu għaliex anki għalina jinfetħu toroq ġodda li jnisslu t-tama.
Hawn min iħossu mitluf quddiem il-qilla u t-tiġrif tal-ħajja, għaliex id-dinja hija mtarrxa bl-istorbju iżda bħal Pawlu rridu nirrepetu l-kliem li qal hu fuq il-ġifen li ġġarraf.
Il-Kanonku Galea Scannura qal li, “Il-kliem ta’ Pawlu fuq il-ġifen, ‘Qawwu qalbkom ħbieb, tassew, illum, qawwu qalbkom.’ Għax Pawlu jista’ llum ukoll jaqbadna minn idejna u jgħallimna, aħna l-Insara ta’ Malta llum kif inkunu missjunarji ta’ tama u kuraġġ kif flimkien fuq id-dgħajsa tal-Knisja nistgħu niskopru u nimxu t-toroq li Alla ħalaq għalina llum.”