Qattusa tat-triq li kienet qed issirilha operazzjoni għand Happy Paws, il-veterinarju nduna li kien hemm xi ħaġa mhux normali hekk kif sab pellet f’nofs operazzjoni.
Il-paġna ta’ Happy Paws irrakkontat kif ftit wara l-veterinarju sab oħra u wara li wettqu l-operazzjoni b’suċċess iddeċidew li jgħamlulha X-Ray sabiex jaraw x’għandha.
Ir-riżultat wera li l-qattusa kellha aktar minn 50 pellet f’ġisimha, fejn min kiteb il-messaġġ sostna li kienet vera fortunata li għadha ħajja.
Dan hekk kif meta bniedem jispara pellet lejn annimal, b’mod partikolari qattus jew qattusa, hemm ċans kbir li l-annimal jitlef id-dawl t’għajnejh jekk jintlaqat f’rasu fejn saħansitra kien hemm oħrajn li ma kienux daqshekk fortunati u tilfu ħajjithom.
Il-paġna ta’ Happy Paws sostniet li sfortunatament dawn il-pellets se jkollhom jitħallew fejn huma, bit-tama li ma jikkawżawx aktar uġiegħ minn kif probabli diġà għaddiet din il-qattusa.
Bil-messaġġ finali jkun indirizzat għal min wettaq dan l-att krudili “xi ħaġa vera tad-dwejjaq li dawn l-affarijiet għadhom jiġru. Missek tistħi!”