Qattusa fl-Imqabba nstabet bi tlieta minn saqajha kif ukoll denbha maqtugħin.
F’messaġġ li tpoġġa fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Ħarsien tal-Annimali, intqal kif dan jaf kien inċident waqt li l-qattusa kienet f’għalqa u sfat midruba kawża ta’ tractor li kien qed jintuża dak il-ħin b’konsegwenza li l-persuna ma ratx il-qattusa.
Fil-messaġġ intqal kif sfortunatament il-ġrieħi kienu wisq serji u għalekk il-qattusa kellha titraqqad hekk kif dik kienet l-aħjar għażla fid-dawl tal-ġrieħi u l-kundizzjoni li nstabet fiha.
L-Uffiċċju appella biex kull min jagħmel użu minn dan l-apparat iżomm għajnejh miftuħin hekk kif bħalissa huwa ż-żmien li l-qtates iwelldu u hija komuni ħafna li jistkennu u jwelldu f’għalqa fejn għalihom iħossuhom siguri.
Dan l-inċident hu wieħed simili għal dak li kien ġie rrapportat is-sena l-oħra fl-istess perjodu tas-sena fejn qattusa nstabet bi ġrieħi simili.