Bil-għan li l-piż tal-ħajja mgħaġġla tal-lum ma jkollhiex impatt negattiv fuq it-trobbija tat-tfal, il-Gvern nieda l-kampanja Positive Parenting, bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għal dan is-settur li tkopri sal-elfejn, erbgħa u għoxrin.
Waqt it-tnedija tal-kampanja, il-Ministru Michael Falzon fakkar kif il-Gvern waqqaf taskforce f’Marzu tal-elfejn u tmintax biex jiżgura li jiġu implimentati l-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha. Il-Ministru Falzon spjega kif il-Gvern huwa impenjat biex jeduka aħjar lill-ġenituri, jew min għandu kustodja tat-tfal, dwar kif jistgħu jagħtu esperjenza serena u pożittiva tat-tfulija.
Żied jgħid li wara li l-Gvern għen lill-familji b’mod finanzjarju, bħalma żied iċ-children’s allowance, issa kien imiss li tissaħħaħ ir-rabta emozzjonali li hemm f’kull familja.
“Hija kwalità ta’ ħajja li rridu naraw aktar minnha. Rridu li jkun hemm aktar bilanċ u mhux nipprovdu biss materjalment għal uliedna, li huma parti mis-soċjetà tal-lum u ta’ għada. Irridu naraw li l-fulfilment ikun komplet bi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
Il-kampanja Positive Parenting, li se tkun mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha u tfasslet fuq tliet domandi sempliċi iżda kruċjali:
Qattajt ħin ma’ wliedek illum?
Għedtilhom lil uliedek li tħobbhom?
Smajthom lil uliedek? Kont ta’ eżempju tajjeb għall-uliedek?
Dawn il-messaġġi se jidru fuq billboards madwar il-Gżejjer Maltin, fuq il-midja soċjali, u fuq it-televiżjoni, u mistennija jsaħħu r-responsabbiltà tal-ġenituri.
Ruth Sciberras, Chairperson tat-taskforce, spjegat li l-kampanja se tkun qed timmira li tolqot b’mod pożittiv, l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet u l-azzjonijiet ta’ kuljum, f’dinja li dejjem qed issir aktar mgħaġġla.
“Il-ħin huwa ta’ kwalità imprezzabbli għaliex it-tfal jikbru malajr. Ridna wasslu messaġġi emozzjonanti bħal ‘qattajt ħin mat-tfal illum?’ u fuq kollox, bit-tema tal-kampanja: Be the Parent.”