Nhar il-Ġimgħa 21 u s-Sibt 22 ta’ Ġunju, Heritage Malta qiegħda mill-ġdid torganizza żjarat bi gwida fit-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra biex timmarka s-solstizju tas-sajf.
Mas-sebħ, fl-ewwel ġurnata tas-sajf, ix-xemx tidher tiela’ b’allinjament partikolari ma’ dawn is-siti. Għalkemm mhux magħruf b’ċertezza jekk dawn l-orjentazzjonijiet humiex intenzjonali, tant huma sistematiċi li huwa pjuttost probabbli. F’soċjetajiet preistoriċi agrikoli, l-osservazzjoni tal-movimenti tal-istilel, il-qamar u x-xemx setgħu kienu relatati mat-tibdil tal-istaġuni u maż-żmien taż-żriegħ u l-ħsad tal-ħxejjex.
Il-pubbliku jista’ jagħżel li jsegwi s-solstizju tas-sajf fit-tempji ta’ Ħaġar Qim jew tal-Mnajdra. Wara dan il-fenomenu, il-parteċipanti jistgħu jgawdu żjara bi gwida fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi, fosthom spettaklu 4D, u bibita.
Biljetti: €25 kull persuna (€15 Membri ta’ Heritage Malta). Il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta, jew online.
Niltaqgħu ħdejn iċ-Ċentru tal-Viżitaturi fil-5.15am.
Għal aktar informazzjoni, żur www.heritagemalta.org