Qatt immaġinajt li tqatta’ l-lejl fil-Palazz Vilhena li jospita l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali? Din l-opportunitá tista’ ssir realtá wara li Heritage Malta se tkun qed torganizza attivitajiet speċjali matul il-lejl tal-Ġimgħa 27 ta’ Lulju fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali.
In-numru ta’ parteċipanti se jkun limitat iżda dawk li se jirnexxielhom jilħqu biljetti, se jqattgħu l-lejl ġewwa l-Mużew. L-istaff u l-kuraturi se jorganizzaw żjarat tematiċi dwar l-esebiti u l-kollezzjonijiet fl-istess mużew, fosthom artefatti li rari jistgħu jsibu posthom għall-wiri. Il-parteċipanti se jieħdu sehem attiv ukoll f’diskussjonijiet fuq ir-rwol tal-mużew u l-annimali li jinsabu fil-binja, minn insetti sa friefet il-lejl u għasafar. L-attivitá tintemm fuq il-bejt tal-mużew fejn il-parteċipanti se jesperjenzaw tlugħ ix-xemx fuq il-gżejjer Maltin segwit bil-kolazzjon.
L-attivitá se tibda fit-8.00pm u tintemm fis-7.00am. Il-biljetti huma limitati u jistgħu jinxtraw mis-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta għal €25 għall-adulti, €21 għall-anzjani u studenti u €20 għall-membri ta’ Heritage Malta. Il-parteċipanti jridu jkunu minn 18-il sena ‘l fuq.
Għal iktar tagħrif żuru l-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org, jew il-paġna uffiċjali tal-aġenzija fuq facebook.