“Qatt taqtgħu qalbkom, oħolmu, iżda araw li dan il-ħolm xi darba jew oħra jsir realtà.”
Dan huwa kliem Rebecca Formosa, Maria, Charlene, Naomi u Rebecca, ħames żgħażagħ mimlijin b’enerġija, u li għalkemm għandhom diżabilità, xorta waħda qed jagħmlu dak li dejjem xtaqu, jimmudellaw!
ONE News iltaqa’ ma’ dawn il-ħames mudelli lejlet l-isfilata li se tittella’ s-Sibt fil-Belt. Żagħżagħ mogħnija b’talenti kbar, min fl-ispecial olympics, min jiżfen u min jilgħab il-football, iżda kollha b’messaġġ wieħed ta’ kuraġġ.
Iltqajna magħhom f’lukanda ewlenija fejn sibniehom jipprovaw il-ħwejjeġ tad-disinjatur żagħżugħ Taljan Riccardo Alighieri, li huwa wkoll b’diżabilità.
Qal li għalkemm b’diżabilità u ma tantx jista’ jimxi, xorta waħda qed jagħmel dak li dejjem xtaq. Qalilna li xewqtu hi li jagħmel dawn il-mudelli prinċipessi żgħar u jneħħi l-ostakli li hemm bejnhom u oħrajn, għax saħaq li fid-dinja kulħadd l-istess.
Riccardo qalilna li minħabba id-diżabilità tiegħu ma jistax iħit l-ilbies li jiddisinja iżda dan ma jaqtagħlux qalbu. Huwa stqarr magħna: “Because of my disability I can’t use my sewing machine so I think, I design and after my assistan create my idea.”
Lil dawn iż-żgħażagħ ħallejniehom jkomplu jipprattikaw għall-isfilata u qalulna li llum ma setgħux juruna l-ilbies li ser jilbsu għax għalihom ifisser risq ħażin. Appellaw lill-pubbliku biex imur jarahom is-Sibt fl-4:00 ta’ filgħaxija f’Magazino l-Belt b’sinjal ta’ appoġġ għal kull minn stinka għal din l-attività.