Heritage Malta se torganizza mixja kulturali fl-Imġarr li tinkludi żjajjar lit-Tempji ta’ Ħaġrat u Skorba u mitħna tad-dqiq li tinsab taħt l-art.
Ta’ Ħaġrat jinkludi żewġ tempji preistoriċi ħdejn xulxin. Is-sit kien skavat bejn l-1923 u l-1926 filwaqt li fl-1953 u fis-sittinijiet saru interventi żgħar oħrajn. L-ikbar struttura tmur lura għall-fażijiet bikrija tal-preistorja, jiġifieri għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3200QK). Din l-istruttura għandha bieb monumentali u faċċata li jaghtu karatteristika partikolari lis-sit. Oggetti taċ-ċeramika li nstabu fis-sit jindikaw li kien użat kemm qabel kif ukoll wara li nbnew it-tempji.
Skorba kien l-ewwel sit megalitiku li fih intużat teknika moderna għall-iskavar. Kienu ġew identifikati numru ta’ oġġetti arkeoloġiċi minn fażijiet differenti tal-preistorja Maltija. Skorba huwa magħruf għaż-żewġ strutturi megalitiċi li jmorru lura għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3000QK) u tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien (3200-2500QK). F’dan is-sit instabu wkoll għadd ta’ oġġetti tal-fuħħar, għadam tal-annimali, figurini kif ukoll fdalijiet ta’ għerejjex domestiċi minn fażijiet differenti mill- preistorja ta’ Malta.
It-Tempji Ta’ Ħaġrat u Skorba jifformaw parti mil-lista tal-wirt kulturali dinji tal-UNESCO.
Il-mitħna tad-dqiq taħt l-art hija waħda minn sebat imtieħen taħt l-art li nbnew mill-forzi militari Britanniċi waqt il-Gwerra l-Bierda (snin ħamsin) bħala parti minn pjan ta’ difiża ċivili. L-għan ta’ dawn l-impjanti kien li fl-eventwalitá ta’ gwerra nukleari fil-Mediterran, il-produzzjoni tal-ħobż tibqa’ għaddejja.
Il-mixja kulturali fl-Imġarr se ssir il-Ħadd li ġej u se titmexxa minn storiku lokali. Il-parteċipanti huma mitluba jiltaqgħu quddiem il-lukanda Phoenicia fil-Floriana fid-9.00am u huma mitluba wkoll jilbsu żraben adattati għall-mixi.
In-numru ta’ biljetti huwa limitat. Il-biljetti, għall-prezz ta’ €15 adulti u €12 għall-anzjani, studenti u membri ta’ Heritage Malta, jistgħu jinkisbu mill-mużewijiet u siti tal-aġenzija jew online.
Għal iktar tagħrif ċemplu fuq 23954000 jew 23954242 jew żuru l-website tal-aġenzija, http://www.heritagemalta.org