“Qatt mhu tard wisq biex tibni ħajtek mill-ġdid.”
Hekk qaltilna mara li sena ilu daħlet tqila l-ħabs u llum qed issegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga flimkien mat-tarbija tagħha.
Iltqajna magħha fil-Komunità Santa Marija f’Ħal Luqa, fejn bħalissa hemm tnejn u għoxrin persuna li qed isegwu programm ta’ erbatax-il xahar, li jkun maqsum fi tliet fażijiet.
Meta spjegatilna l-istorja tagħha, ħaditna lura għal meta daħlet il-ħabs b’xahrejn tqala.
Qaltilna li l-biża’ waqt li kienet qed iġġorr it-tarbija fil-ħabs ma naqset qatt u l-opinjonijiet minn dawk ta’ madwarha m’għenux.
Kien hemm min qalilha li t-tqala mhix se tirnexxi fil-ħabs, oħrajn qalulha li t-tarbija mhux se tgħix, u kien hemm min qalilha li kif titwieled se jeħduhielha.
Minkejja dan kollu, kienet determinata li taħdem għall-ġid tat-tarbija u żżommha magħha.
Hi qalet,“Bqajt nisfida jiena, għidt jiena dil-baby ma rridx li jeħduhieli, din hija tiegħi, mhux ħa naċċetta. Għamilt minn kollox, ħdimt fuq li ħdimt, qgħadt attenta ħafna għall-behaviour. Minjaf kemm il-darba qabżitli u ma tkellimtx, mort ġoċ-ċella u żvugajt waħdi. Dejjem żammejt il-baby quddiem għajnejja u li din il-baby ma ħaqqhiex tmur ma’ xi familja oħra li jiena qatt ma nkun naf humiex se jħobbuha biżżejjed, bil-mod li nħobbha jiena.”
It-tarbija tatha skop u wara li twieldet, żammitha magħha ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Qaltilna li ma kien jonqosha xejn u meta għalqet xahar, ġieha l-ħsieb biex tapplika għal programm ta’ rijabilitazzjoni biex tkun tista’ trabbi lil bintha ’l bogħod mill-ħajja tal-vizzji u l-kriminalità.
It-talba tal-omm ġiet milqugħa u issa ilha aktar minn tliet xhur issegwi l-programm ta’ rijabilitazzjoni offrut mill-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, fil-Komunità Santa Marija f’Ħal Luqa.
Anki hawnhekk, l-omm qed tingħata l-opportunità li filwaqt li taħdem fuqha nnifisha, trabbi lit-tarbija.
Hija qaltilna kif fil-programm qed tesperjenza mumenti li kienet ilha s-snin ma tesperjenza f’ħajja ddominata mis-sustanzi.
Hi spjegat, “Qed nesperjenza mumenti li kont ili ma nesperjenza imma li bis-saħħa tal-programm qed nerġa’ nesperjenza, speċjalment fi żmien il-Milied kont kuntenta b’affarijiet li lanqas niftakar l-aħħar li kont kuntenta hekk. Ħarġuna ħafna jiġifieri kien hawn ħafna attivitajiet. Kuntentizza f’affarijiet żgħar li fil-ħajja tad-droga ma jkollokx dil-kuntentizza. Jiena ili ma nħossni kuntenta hekk żmien twil u hawnhekk urewni li possibbli li terġa’ tibda ħajtek mill-ġdid.”
Il-mara kienet realistika.
Qaltilna li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jaqta’ d-droga, iżda bl-istess mod, irid jifhem il-konsegwenza kbar u serji li ġġib magħha u jagħżel li jgħix ħajja ’l bogħod minnha.
Hi qalet, “Id-droga tagħtik ta’ dak il-ħin u lanqas hekk għax once li tidħol ġo fik sewwa, tiġi trid teħodha biex tibqa’ normali, ma tibqa’ tħoss xejn. Tiġi addiction, ma tistax tgħixx mingħajrha. Ma tibqax tirreaġixxi normali u tiffunzjona bl-istess mod. L-unika enerġija li tagħti hija l-enerġija biex tara kif ħa tuża d-droga. Illum il-ġurnata jekk nuża din l-enerġija li kont nuża hemm barra nemmen li kulħadd jista’ jagħmilha, jekk nużaw din l-enerġija fil-pożittiv li konna nużaw fin-negattiv.”
Hija kellha messaġġ b’saħħtu għal min qed isegwi programm u jaffaċċja mumenti ta’ qtigħ il-qalb: “Qatt mhu tard wisq. Iż-żmien li tagħmel fi programm mhux żmien mitluf speċjalment meta tikkumpara ż-żmien li qattajna nbatu fit-triq, mhu xejn fejn sena programm. Għandek min jieħu ħsiebek, għandek is-sapport hawnhekk.”