Kuljum, fuq in-numru tal-emerġenza 112, jidħlu medja ta’ 170 telefonata.
L-ambulanzi stazzjonati fl-Isptar Mater Dei jagħmlu mal-140 vjaġġ kuljum.
Fil-Jum Dinji li jiċċelebra l-ħidma tal-paramediċi, li f’pajjiżna hawn madwar tliet mija li jaħdmu fi rwoli differenti – fosthom tobba u infermieri tal-emerġenza, tekniċi u sewwieqa tal-ambulanzi, ONE News segwa mill-qrib il-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema, li b’dedikazzjoni u professjonalità, jaħdmu biex isalvaw il-ħajjiet.
Fl-aħbarijiet spiss nisimgħu b’inċidenti u ħafna drabi dejjem tissemma l-ambulanza b’tim mediku li tassisti mill-ewwel fuq il-post. F’lejl tipiku sajfi ħriġna mal-ħaddiema tal-ambulanzi li joħorġu fuq il-post, biex nifhmu magħhom il-ħidma minn meta tidħol it-telefonata fil-Control Room tal-Emerġenza sakemm il-professjonisti mediċi jaslu fuq il-post u jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi.
F’kamra fuq wara tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum ikun hemm professjonisti mħarrġin jirrispondu telefonati ta’ nies li jċemplu b’talba għall-għajnuna.
Dawn jieħdu l-massimu tad-dettalji li jistgħu biex min ikun sejjer fuq il-post bl-ambulanza, ikun imħejji bl-aħjar mod possibbli.
Minn hemm, jiġi stabbilit jekk il-każ ikunx jirrikjedi kura immedjata.
Tkellimna ma’ Clare Cremona, infermiera li taħdem l-emerġenza, li spjegatilna kif f’Malta jeżistu tliet kategoriji differenti – blu, oranġjo u aħmar – bil-blu jkun l-inqas urġenti u l-aħmar l-aktar urġenti.
“Kif tidħol il-call, in-nurses li jkunu se joħorġu fl-ambulanzi, ikollhom pager fuqhom u jirċievu l-call mill-Control Room, għaliex se joħorġu u ma’ liema ambulanza. Magħna nieħdu basket, il-basket l-aħmar ngħidulu aħna, li jkollu l-affarijiet li aħna nużaw biex nittrattaw lill-pazjent. Apparti dak, fl-ambulanza wkoll ikun hemm l-equipment li aħna nużaw biex nittrattaw lill-pazjent.”
Fl-ambulanza titħaddem sistema b’tablet fejn ikun hemm l-indirizz u d-dettalji tal-pazjent, li jkunu daħħlu l-professjonisti mill-Control Room.
“Kif nidħlu ġol-ambulanza jkollna tablet li fuqha hemm sistema li tgħidlek il-location ta’ fejn qiegħed il-pazjent. Jekk l-address ma nkunux nistgħu nġibuh, ġieli jkollna l-location fiżikament ta’ fejn qiegħed. Ikun hemm ukoll id-dettalji tal-pazjent jekk ikunu jistgħu jeħduhom, x’għandu l-pazjent u għaliex ħa noħorġu għalih.”
L-infermiera spjegatilna li l-ewwel ħaġa li jaraw malli jaslu fuq il-post ta’ inċident, hija s-sigurtà – għalihom, għan-nies tal-madwar u għall-pazjent.
Imbagħad janalizzaw affarijiet, bħat-telf tad-demm, in-nifs tal-pazjent, iċ-ċirkolazzjoni tad-demm u xi evidenza ta’ diżabilità jew ksur.
Lil hinn mill-għajnuna medika, staqsejna lil Clare fuq l-aspett emozzjonali f’każijiet bħal dawn.
“Hemm l-għajnuna ta’ psikologi f’Mater Dei u xi ħaġa li naraha sabiħa ħafna fid-Dipartiment tagħna, li wara ċerti każijiet, dejjem niddiskutu ma’ kollegi u nies li għandhom ħafna aktar esperjenza ġol-Emerġenza.”
Clare ilha toħroġ fuq każijiet ta’ emerġenza erba’ snin, u semmiet każ partikolari li se jibqa’ mmarkat fil-memorja tagħha – dak ta’ tifel ta’ sitt snin li kellu attakk tal-qalb.
“Xi ħaġa li baqgħet f’moħħi hi, li apparti li huwa tifel ta’ sitt snin li tiġik aktar dieqa għax ikunu għadhom żgħar u innoċenti, kien hemm missieru miegħu u kien qed jipprova jgħin, imma ma jafx x’qed jiġri madwaru, allura hemmhekk qisek tibda tħoss, kif se nsib bilanċ bejn biex nagħti l-kura massima lill-pazjent, imma nixtieq ngħin lill-missier u noffrilu s-servizzi li għandna, imma dak il-ħin bilkemm tkun tista’ tkellmu bil-ħafna affarijiet li jkunu għaddejjin.”
L-infermiera kellha appell biex in-numru tal-emerġenza jintuża b’mod għaqli u biex kulħadd juri rispett fit-triq meta jara inċident jew jinzerta xi ambulanza.
“L-ambulanza meta jkollha pazjent u tkun sejra fuq każ, ikollha l-blue lights u ġeneralment is-sirena. Importanti ħafna li jsuqu bil-mod u bil-galbu u jekk possibbli, jagħmlu l-ispazju u jersqu fil-ġenb biex tkun tista’ tgħaddi l-ambulanza.”
Fil-Jum Dinji li jiċċelebrahom, ONE News jirringrazzja lil dawn il-professjonisti għall-ħidma tagħhom, b’tant imħabba u dedikazzjoni.