“Aħna tal-Inspire nemmnu li dan hu punt tajjeb minn fejn nibdew, li jgħinna nieqfu u naħsbu qabel ma nagħtu tikketti, niġġudikaw jew nieħdu xi deċiżjoni. Dan huwa punt tajjeb ukoll minn fejn nistgħu nindirizzaw diskorsi dominanti dwar id-diżabilità, indeboliment (impairment) u issa wkoll ‘disablism’.” Qalet dan Charlene Borg, Parent Relations Manager mal-Inspire pemezz ta’ stqarrija
Ix-xagħar li għadda, l-Inspire stiednet lill-ġenituri għal workshop ta’ ġurnata bl-isem Fiż-żarbun ta’ uliedek. Din l-attività seħħet grazzi ghal-Corinthia San Ġorġ li ġenerożitament sponsorjaw l-Inspire. Il-workshop indirizza il-perspettiva tat-tfal fir-rigward ta’ kif huma jgħixu l-isfidi tal-komunikazzjoni u l-impatt li diffikultajiet sensorji jista’ jkollhom fuq it-tfal tagħhom minħabba d-djanjożi ta’ kundizzjoni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Dan ġie analizzat minn perspettiva sensorjali, biex b’hekk il-ġenituri ġew mgħejjuna jifhmu aħjar x’ikunu qed iħossu uliedhom li għandhom diffikultajiet sensorjali, u kif bħala ġenituri huma jistgħu jappoġġjaw u jħaffu dan il-piż sensorjali żejjed.
Barra minn dan, minn punt psikoloġiku, jesploraw l-emozzjonijiet tat-tfal tagħhom u għalfejn jirreaġixxu b’ċertu mod. U aktar importanti, kif huma bħala ġenituri jistgħu jappoġġjaw l-esperjenza emottiva ta’ uliedhom; b’mod li huma jkollhom strateġiji tajba ta’ kif jitrattaw mas-sitwazzjoni filwaqt li jippremettu lil uliedhom biex jesprimu l-esperjenza emottiva tagħhom.
Finalment, din il-ġurnata speċjali kellha l-għan ukoll li tgħaqqad lil kulħadd lkoll flimkien għal raġuni tassew speċjali. Grupp sinifikanti ta’ persuni b’esperjenzi tal-ħajja differenti, diversi kulturi u etniċitajiet, sfondi ta’ edukazzjoni, ġeneri, rwoli u karatteristiċi oħra.
Borg qalet li “Flimkien qed niffurmaw opinjoni aktar irfinuta u nippruvaw nifhmu aħjar xi jfisser l-awtiżmu u diffikultajiet sensorjali. Flimkien ipprovdejna spazju għall-fejqan, spazju għall-aċċettazzjoni ta’ ‘dak li hu’ u l-varjetà ta’ emozzjonijiet li l-ġenituri u l-professjonisti jesperjenzaw fil-vjaġġ tagħhom ta’ ħidma ma’ individwi li għandhom diżabilitajiet.”