Il-Ħadd waranofsinhar tħabbret il-mewt ta’ Tony Zarb, fl-età ta’ tmienja u sittin sena.
Huwa serva għal diversi snin bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union u fl-elfejn u għoxrin, inħatar Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-istess unjin.
Is-saħħa ta’ Tony Zarb ilha diversi xhur tmur lura iżda baqa’ sal-aħħar iżomm kuntatt man-nies permezz tal-profil tiegħu fuq Facebook.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kien qed jingħata l-kura fi sptar fil-Belġju u fil-ħdax ta’ Mejju kellu operazzjoni importanti.
L-għada qal li rebaħ din il-battalja.
Sa tlett ijiem ilu, Tony Zarb tefa’ ritratt minn ġos-sodda tal-isptar u tefa’ bewsa lis-segwaċi tiegħu fuq Facebook u qal li l-affarijiet kienu mexjin ’il quddiem.
Kien ibnu, il-kompożitur Elton Zarb, li ħabbar il-mewt ta’ missieru fuq Facebook. Huwa qal li m’għandux kliem f’dan il-mument tant diffiċli u l-imħabba li għandu għal missieru mhi se tmut qatt.
Dan l-istazzjon tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, li bħalissa jinsab imsiefer fuq xogħol.
Bugeja qal, “It-tifel tiegħu kien qed jagħmlilna filmati kuljum ta’ Tony qed ikellimna kull darba. L-aħħar li kellimtu jien kien qed jipprepara u kien ferħan ħafna għax il-Professur qallu li miexi ’l quddiem u li kien qed jistenna li ħa jibagħtu mill-isptar għax hu kien qiegħed l-isptar il-Belġju jingħata l-kura, kien qed jagħmel progress, leħnu kien jinstema’ sod bħal qabel u kulħadd kien qed jgħidilna li daqt joħroġ u jmur lura fil-flat.”
Matul il-kampanja elettorali li għaddiet, Tony Zarb indirizza attività politika fis-City Theatre fil-Belt.
Dakinhar kellu appell imqanqal għall-anzjani għaliex għandhom jagħtu l-vot tagħhom lil Robert Abela.
Zarb stqar, “Pajjiżna għandu bżonn kaptan b’saħħtu, li Robert Abela wera kemm hu kaptan b’saħħtu għax mexxa lil pajjiżna fl-iktar żminijiet diffiċli aħseb u ara x’inhu ġej fil-bnazzi.”
Josef Bugeja spjega magħna kif wara li kien indirizza dan ir-rally, kellu bżonn isiefer għall-kura barra minn Malta, iżda kien mimli kuraġġ li se jfieq u jerġa’ jiġi lura biex ikompli jaħdem b’risq il-pensjonanti, tant li sa tlett ijiem ilu biss, mill-isptar, bagħatlu artiklu li kiteb biex ikun jista’ jiġi ppubblikat fuq gazzetta lokali.
Qal, “Ċempilli t-tifel tiegħu biex jinfurmani li l-papa tatu taqliba u li ħalliena u mar mal-Ħallieq u ħallieni bla kliem. Ħriġt mill-konferenza u xxukkjani. Kulħadd ixxukkjat.”
F’deċenji jaħdem mill-qrib ma’ Tony Zarb, Josef Bugeja llum jiddeskrivih bħala bniedem b’żewġ karattri; wieħed fil-pubbliku li jiġġieled b’saħħa biex jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema u ieħor fil-privat ta’ bniedem dħuli b’qalb tad-deheb.
Huwa stqarr, “Qatt ma mmaġinajt il-GWU mingħajr Tony Zarb għax dejjem kien parti minnha. Huwa għamel sittax-il sena Segretarju Ġenerali u dejjem kien hemmhekk. Dan l-aħħar daħal fl-Għaqda Pensjonanti, Segretarju tal-Għaqda u kien qiegħed b’ruħu u ġismu l-iżvog ta’ ħajtu kien jiġi kuljum, anki dan l-aħħar qabel siefer jiġifieri kien baqa’ attiv il-ħin kollu anki meta sar jaf li kien marid.”
Fuq Facebook, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela sellem il-memorja ta’ Tony Zarb u qal li l-valuri tiegħu kienu jġibu dejjem liż-żgħir u lill-ħaddiem l-ewwel.
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja ta’ Tony Zarb u ddeskrivieh bħala pijunier favur is-soċjaliżmu u l-ħaddiem.