L-ex Kummissarji tal-Pulizija Peter Paul Zammit u Michael Cassar sostnew li qatt ma kellhom indħil mill-Gvern fl-investigazzjonijiet tagħhom. Huma xehdu dan fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fis-seduta tal-Ħamis, l-ewwel ma xehed kien l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit sostna li ma bidel xejn minn dak li ħalla John Rizzo b’rabta mas-sigurtá ta’ Caruana Galizia. Qal li minn stħarriġ li għamel sab li dak iż-żmien Caruana Galizia kellha biss rondi frekwenti.
Mistoqsi jekk il-Gvern qattx indaħal f’xi investigazzjoni, Zammit xehed għal aktar minn darba li le u spjega li huwa rreżenja minn Kummissarju wara li ma qabilx mal-pożizzjoni tal-Gvern li l-Korp tal-Pulizija jkollu kap eżekuttiv.
Fix-xhieda tiegħu Zammit kien mistoqsi wkoll dwar l-investigazzjoni fil-konfront tal-ex Kummissarju Ewropew John Dalli.
Sostna li minn investigazzjoni li wettaq fl-ewwel xhur tiegħu bħala Kummissarju sab rapport maħruġ mil-Kumitat ta’ Superviżjoni tal-OLAF li ma kienx ġie inkluż fl-investigazzjoni li mexxa John Rizzo. Dan ir-rapport irrimarka li l-investigazzjoni li għamlet l-istess entità kienet saret b’mod ħażin.
Qal li investiga l-każ għal tliet xhur sħaħ fejn irrizultaw diverġenzi kbar bejn il-provi li sabu l-OLAF u l-fatti miġbura minn investigazzjonijiet oħra li saru. Mistoqsi jekk kellux parentala ma’ John Dalli, Zammit qal li martu tiġi terza kuġina tal-ex kummissarju Ewropew.
L-eks Kummissarju Michael Cassar kkonferma wkoll bil-ġurament li qatt ma kellu ndħil fl-investigazzjonijiet tal-pulizija/
Ikkonferma wkoll dak li qal Zammit fejn spjega li Caruana Galizia kellha biss rondi frekwenti għax hi ma kinitx tkun trid li jkollha għassa ma’ darha.
Cassar kien mistoqsi wkoll dwar rapporti tal-FIAU.
Irrimarka li sa miż-żmien li huwa kien Assistent Kummissarju inkarigat mit-taqsima tar-reati ekonomiċi, il-Pulizija dejjem aġixxiet mal-ewwel fuq dawn ir-rapporti/ Madankollu huwa rrimarka li l-proċess kien twil għax il-Pulizija dejjem ikollha terġa’ tinvestiga u tiġbor l-evidenza kollha mill-ġdid għax il-liġi ma tħallihiex tressaq nies il-Qorti abbażi tar-rapporti tal-FIAU.
Mistoqsi dwar l-allegazzjoni ta’ ħasil ta’ flus mill-bejgħ ta’ passaporti, Cassar rrimarka li minkejja li f’dan il-każ issemmew persuni qrib il-Gvern, fosthom Keith Schembri, ħadd qatt m’għamel kuntatt miegħu biex ma jinvestigax u spjega li l-Pulizija bdiet bl-investigazzjoni tagħha bl-isem ta’ ‘operation green’ malli l-FIAU għalqet l-investigazzjoni.
Mistoqsi dwar ir-riżenja, spjega li kien ilu mdejjaq fil-Korp minn Diċembru. Bl-aktar mod skjett tenna li qatt ma kellu ndħil minn uffiċjali tal-Gvern fuq kif jagħmel xogħlu ta’ Pulizija iżda qal li ma qabilx ma’ deċiżjonijiet amministrattivi.
Huwa kompla x-xhieda tiegħu fil-magħluq u l-ġurnalisti perżenti ħarġu mill-awla.