Kaya Falzon, studenta ta’ tlettax-il sena li toffri sostenn kbir lil studenta oħra tal-istess età fit-tieni sena tas-sekondarja fl-iskola Our Lady Immaculate fil-Ħamrun, ingħatat il-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija.
Dan il-premju jingħata mill-President tar-Repubblika, u jagħti ġieħ lil min ikollu qalb kbira u jimxi b’imġiba eżemplari sa minn età żgħira.
Din is-sena, Kaya ġiet rikonoxxuta għall-għajnuna kontinwa li tagħti lil ħabibtha Anthea.
Kaya stqarret, “Jien meta qaluli u rċevejt l-ittra ma stajtx nemmen. Għalija li ħadt premju just għax għint hija xi ħaġa sabiħa għax hija xi ħaġa li kulħadd għandu jagħmel.”
Ħabibtha Anthea, tapprezza mmens l-għajnuna mingħand Kaya, li żviluppat fi ħbiberija prezzjuża.
Anthea esprimiet, “Kaya għalija tfisser ħabiba kbira ħafna għax qatt ma kelli ħabiba li tgħinni daqshekk u hija wisq qalbha tajba.”
Wara li ppreżenta l-midalja lil Kaya, il-President ta’ Malta George Vella qal li bl-altruwiżmu tagħha qed isservi ta’ pont bejn l-isfidi marbuta max-xogħol tal-iskola u l-kapaċitajiet ta’ Anthea biex anki hi tkun parteċipi bis-sħiħ fil-ħajja tal-iskola.
Huwa qal li l-azzjonijiet ta’ Kaya huma frott dedikazzjoni, paċenzja u mħabba lejn il-proxxmu.
Innota wkoll kif fid-dinja mgħaġġla tal-lum sar aktar diffiċli li ssib lil min jagħżel li jħaddan bis-sħiħ il-prinċipji tal-empatija u tal-altruwiżmu.
Il-President Malti stqarr, “Li persuna tkun ta’ appoġġ għal ħaddieħor huwa ġest nobbli iżda meta dan is-sostenn ikun mifrux fuq numru ta’ xhur jew snin, dan isir impenn b’saħħtu favur inklużjoni sħiħa u li maż-żmien jissarraf fl-akbar ġid tas-soċjetà u jiena nemmen li l-edukazzjoni apparti s-somom, l-Ingliż, il-Matematika u l-lingwi, l-edukazzjoni hija din. Din hija l-edukazzjoni tal-karattru, l-edukazzjoni ta’ dak li jagħmilna l-ewwelnett nies ċivilizzati u t-tieni Nisrani u Kattoliċi kif suppost inkunu.”
Il-President sellem lill-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, Patri Dijonisju Mintoff, għall-ħidma soċjali u umanitarja tiegħu u għall-impenn biex jippremja lil min ikun ta’ spalla għal ħaddieħor.
Huwa rrikonoxxa l-enerġija u d-dedikazzjoni li biha kontinwament jaħdem favur iż-żgħir u l-emarġinat, u qallu li b’dan il-mod qed ikun ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.