“Qatt daqs illum mhi daqshekk relevanti l-kisba tal-Ħelsien.” Dan intqal mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, f’intervista ma’ ONE News, fl-okkażjoni tas-46 sena mill-kisba tal-Ħelsien.
Dan hekk kif din il-ġrajja qed tiġi ċċelebrata f’kuntest ta’ gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, b’Unjoni Ewropea li trid iżżid il-finanzjament għall-armamenti, waqt li Malta u l-Gvern Laburiista jibqgħu jżommu sodi mal-valur tan-newtralità u fil-promozzjoni tal-paċi.
Ma’ ONE News, Coleiro Preca rrakkontat kif dakinhar ta’ din il-ġrajja kien hemm ħafna nies il-Birgu.
“Inżilna, sibna kullimkien miżgħud, mhemmx fejn toqgħod labra. Jiġifieri niftakar il-ferħ, imma, imbagħad, il-ferħ fuq wiċċ il-Perit Mintoff. Bir-raġun kollu, għax kien ilu għexieren ta’ snin jaħdem għaliha. Jekk wieħed imur fl-istorja, nistgħu nsibu l-mumenti fejn din tassew kienet mixja tal-Perit biex wasalna sal-punt fejn fuq l-art Maltija ma jkunx hawn la suldat u fl-ibħra tagħna ma jkunx hawn bastimenti tal-gwerra.”
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca
Il-President Emeritu qalet kif din il-ġrajja għadha relevanti sal-lum il-ġurnata, hekk kif il-Perit Mintoff ħadem biex pajjiżna jkun newtrali.
“Jiġifieri jekk hemm xi ħaġa li għandha relevanza għal-lum hi proprju din il-ġrajja mill-aqwa, mill-isbaħ, tal-31 ta’ Marzu tal-1979, meta, Malta verament kienet ħielsa b’mod komplut mill-ħakma li kienet ilha snin kbar taħt il-kolonja Ingliża… Għalija din is-sena, dan l-anniversarju ħa jkun ifisser dan kollu, kemm għandna ngħożżu l-paċi u kemm hi missjoni ta’ pajjiżna li nkunu ħielsa, li nkunu newtrali u li naħdmu b’mod attiv għall-paċi.”
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca