“Qatt daqs illum, Għawdex ma ra daqshekk investiment.”
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela meta inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Għawdxija għall-Iżvilupp Reġjonali, il-GRDA, fil-qalba tar-Rabat.
Il-Prim Ministru qal li l-Malta Enterprise fl-aħħar snin għenet lil 1,000 negozju fil-gżira Għawdxija b’investiment ta’ €17-il miljun.
Sostna li Għawdex huwa fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern u jrid ikun ta’ eżempju għal Malta. Semma bħala eżempju l-fatt li l-qgħad f’Għawdex huwa inqas minn dak ta’ Malta.
Huwa nnota li fl-2021 saru €31 miljun fi proġetti kapitali, li jfisser li dan kien id-doppju ta’ dak li ġara sena qabel, jiġifieri fis-sena tal-pandemija.
Il-Prim Ministru qal li huwa sodisfatt li, permezz ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda, l-Awtorità Għawdxija għall-Iżvilupp Reġjonali qiegħda f’pożizzjoni aħjar sabiex tgħin fit-twettiq tal-viżjoni fl-aħjar interess tal-gżira Għawdxija.
Dr Abela nnota li din l-Awtorità twaqqfet fl-eqqel tal-pandemija.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru nnota l-kuraġġ tal-Gvern waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, b’differenza mill-politika ta’ awsterità li kellu pajjiżna fil-passat.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità, Mario Borg, qal li din il-binja se tkun il-post minn fejn hija se tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-viżjoni għall-gżira Għawdxija. Huwa osserva li l-Awtorità, ppubblikat numru ta’ dokumenti li jvarjaw mill-aspett soċjali għall-mudell ekonomiku għall-Għawdex.
Huwa qal ukoll li l-Awtorità għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
“L-ewwel nett, għandna ħafna engagment ma’ stakeholders. Meta ngħidu stakeholders mhux biss stakeholders Għawdxin, jiġifieri kull min għandu interess f’ Għawdex, għalina huwa stakeholder. Se nkunu qedgħin naħdmu wkoll fil-proġett li għandu x’jaqsam ma’ ppjanar u ma’ proġetti bħal tal-GreenPark f’Għawdex, kif ukoll applikajna u qegħdin napplikaw għal proġetti li huma ffinanzjati minn fondi Ewropej.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li qal li l-viżjoni tal-Gvern hija li f’din il-gżira jiġu turisti ta’ kwalità u anki niċċeċ ġodda ekonomiċi. Qal li l-Awtorità Għawdxija għall-Iżvilupp Reġjonali għaddejja b’ħidma sabiex ikun hemm il-master plan għar-Rabat, biex ikun hemm spazji pubbliċi ġodda f’din il-belt.
Intant, f’Għawdex, il-jum tal-Ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ numru ta’ rappreżentanti tas-sħab soċjali Għawdxin. Ir-rappreżentanti nnutaw b’sodisfazzjon li l-miżuri li qed jieħu l-Gvern f’Għawdex qed iħallu impatt pożittiv, fosthom fit-turiżmu, u jħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma li tkompli tkattar il-ġid.