Matul din is-sena, il-Ministeru għas-Saħħa, se jdaħħal test (screening) ġdid li jsir fuq it-trabi tat-twelid kollha li jitwieldu. Dan it-test se jkun għall-kundizzjoni msejħa Phenylketonuria.
Il-Phenylketonuria hija marda fejn ikun hemm defiċenza ta’ kimika li twassal għal akkumulazzjoni fid-demm ta’ Phenylalanine f’ammonti kbar. Dan il-Phenylalanine qisu velenu għall-moħħ tal-bniedem li jaffettwa ħazin l-iżvilupp tal-moħħ fit-trabi. Din il-ħsara hija irriversibbli.
Persuna li titwieled b’din il-kundizzjoni jkollha nuqqasijiet fl-iżvilupp intellettwali kif ukoll problemi fiżici bħal aċċessjonijiet. Wieħed ma jindunax mill-ewwel li t-tarbija għandha problema ta’ saħħa għaliex ma jkun hemm ebda sintomi fl-ewwel ftit ġimgħat tal-ħajja. Kif it-tarbija tibda tiekol u l-Phenylalanine jibda jakkumula fil-moħħ, il-ġenituri jibdew jinnutaw li l-affarijiet fit-tarbija tagħhom mhumiex normali. Forsi jindunaw b’ċerta ebusija żejda fil-muskoli, jew bidla fl-imġiba tagħha, bħal pereżempju biki mhux tas-soltu, irritabbiltà, u sinjali oħra. Iktar ma jgħaddi żmien iktar takkumula din il-kimika, u iktar ikun hemm sintomi, inkluż aċċessjonijiet frekwenti. Meta naslu f’dan il-punt, diġà huwa tard wisq għaliex il-ħsara li tkun saret fil-moħħ tat-tarbija hija irriversibbli.
Huwa għalhekk illi l-Ministeru tas-Saħħa se jibda programm ta’ screening ta’ kull tarbija li se titwieled f’Malta u Għawdex, fejn se tittieħed qatra demm mill-għarqub tat-tarbija mal-ewwel ġranet tat-twelid. Dan il-proċess diġà qiegħed isir għall-iscreening ta’ thyroid f’dawn it-trabi.
Għalhekk l-istess qatra tad-demm ser tkun qed tintuża għal dan it-test ukoll mingħajr ebda tbatija. Kif nindunaw illi t-tarbija hija effettwata minn din il-marda, l-ispeċjalista tat-tfal jirrakkomanda li tingħata dieta speċjali li tkun nieqsa minn din il-kimika biex b’hekk tigi evitata l-akkumulazzjoni tagħha fil-moħħ. Jeżisti wkoll ħalib speċjali għat-trabi. Fil-fatt meta dawn jikbru jridu jkomplu jsegwu dieta speċjali fejn jevitaw ikel bħall-ħalib, ġbejniet, laħam, tiġieġ u ħut fost oħrajn.
Din il-kundizzjoni hija rari fejn taffettwa biss wieħed minn kull 10,000 persuna però b’dan l-iscreening ma tilħaq issir ebda ħsara fil-moħħ jew fin-nervituri u għalhekk it-tarbija tiżviluppa b’mod normali.
Dan l-investiment ser isir grazzi għall-fondi EEA-Norveġja u li minnhom ser igawdu wliedna.
Intant fil-jiem li għaddew tħabbar ukoll proġett bejn Malta u l-Italja li permezz tiegħu madwar 20,000 tifel u tifla Maltin u Sqallin li l-età tagħhom tvarja minn 4 sa 11-il sena se jkunu qegħdin jiġu eżaminati għal dik li tissejjaħ Coeliac Disease, fejn it-tfal ikunu allerġiċi għall-prodotti magħmulin mill-qamħ.