Fil-Partit Nazzjonalista qed jinħema attakk fuq il-President tal-Kummissjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni tiegħu.
Fil-gazzetta KULLĦADD intqal li l-għan hu li kif għamlu fuq esponenti tal-politika Maltija jħammġu lil Jean Claude Juncker u Kummissarji Ewropej oħra, fid-dawl li fl-aħħar xhur kienu bosta l-okkażjonijiet fejn il-Kummissjoni Ewropea ġabet fix-xejn kampanji li prova joħloq il-Partit Nazzjonalista bl-iktar waħda li frustrat lill-Kap tal-Oppożizzjoni tkun il-konferma li l-proġett tal-enerġija kien skont ir-regoli Ewropej.
Fid-Dar Ċentrali qablu li l-attakk ma jistax ikun wieħed dirett għaliex partit li qed jaspira li jkun fil-gvern ma jistax jidher li hu miġġieled mal-Kummissjoni Ewropea. Dan anke għax meta Simon Busuttil qam jattakka lill Juncker u membri oħra fil-Parlament Malti imbarazzawh bit-tweġiba tagħhom.
B’hekk kien hemm qbil li lil Juncker jattakkawh b’mezzi “mhux uffiċjali” u bħalissa għaddejja tfittxija għal kull artiklu jew filmat li jista’ jinstab jikkritikah. Xi ħaġa li mhix se tkun daqshekk diffiċli fid-dawl li Juncker huwa bniedem bi snin twal ta’ esperjenza politika. Għalkemm dan jaf ma jkunx biżżejjed għaliex lil Juncker ukoll iridu jipprovaw iħammġuh jew jorbtuh ma’ koruzzjoni.
F’kurituri tad-Dar Ċentrali ntqal li għandhom jinħadmu vidjows u materjal ieħor biex ikunu mxerrda minn profili foloz li hemm online u li jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar xhur Juncker diġà kien mgħajjar sakranazz minn Daphne Caruana Galizia.
Jistiednu lil Weber – The Economist igiddibhom
Biex jipprovaw jibbilanċjaw il-fatt li mal-Kummissjoni Ewropea ma ġabuhiex żewġ, illum stiednu lill-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, biex jindirizza l-mass meeting Nazzjonalista fil-Belt Valletta. Huwa mistenni li Weber jaċċetta din l-istedina fid-dawl li l-Partit Nazzjonalista huwa affiljat mal-Partit Popolari Ewropew.
Għaliex il-parir tal-istrateġisti huwa li jipprovaw iqanqlu l-memorji tas-snin 80, it-tema tal-lum hija demokrazija u libertà.
Iżda, inzerta li din qed jagħmluha kontra l-gvern li daħħal iktar libertà bl-emendi għal-liġijiet taċ-ċensura u ressaq liġi biex jagħti iktar libertà lill-ġurnalisti biex ineħħi l-libell kriminali.
Iżda, mhux dan biss iġib fix-xejn l-għajta ta’ Simon Busuttil illum.
Analiżi ta’ The Economist dwar aspetti differenti tad-demokrazija f’pajjiżna tpoġġi lil Malta mal-uniku 19–il pajjiż madwar id-dinja li għandhom dik li tissejjaħ full democracy.
Dan b’punteġġ ta’ 8.39 minn 10. L-ironija hi li fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista Malta naqset u mhux żiedet il-punteġġ minn 8.39 għal 8.28. Il-punteġġ reġa’ żdied fi żmien din l-amministrazzjoni minħabba iktar drittijiet lill-ġurnalisti u iktar drittijiet ċivili.