Matthew Barbara, żagħżugħ ta’ sitta u għoxrin sena mill-Pietà, ġie ordnat jagħmel 350 siegħa xogħol fil-komunità, wara li nstab ħati bil-qtil involontarju t’omm ta’ sitta u għoxrin sena f’inċident tat-traffiku li kien seħħ f’Lulju ta’ sitt snin ilu.
Il-każ seħħ fil-bypass tal-Għargħur meta ż-żagħżugħ, li dak iż-żmien kellu tmintax –il sena u kien għadu kemm ġab il-liċenzja tas-sewqan, tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu bil-konsegwenza li temm il-ħajja ta’ Rosianne Azzopardi – li fil-ħin tal-inċident kellha magħha lil bintha – tarbija ta’ sena li fortunatament ma kienet sofriet l-ebda ġrieħi.
Esperti forensiċi rrimarkaw li għalkemm fil-ħin tal-inċident, it-toroq kienu mxarrba bin-nida, it-temp kien ċar u l-viżibilità kienet tajba. Għaldaqstant il-Qorti kkonkludiet li kien is-sewqan perikoluż u traskurat taż-żagħżugħ, li dakinhar kien qed isuq bil-mija u ħames kilometri fis-siegħa, li wassal għall-inċident.
Minbarra x-xogħol fil-komunità, l-akkużat ingħata multa ta’ €80 u għandu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet xhur.