Raġel Awstraljan instab ħati li qatel 6 persuni u weġġa’ 27 oħra b’vettura f’Melbourne.
James Gargasoulas ta’ 28 sena saq deliberament karozza misruqa għal fuq nies li kienu mexjin f’Bourke Street fiċ-ċentru tal-belt f’Jannar tas-sena l-oħra.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-attakk, iżda wara ammetta li hu kien il-bniedem li wettqu.
Il-ġurija sabitu ħati wara li d-deliberazzjoni damet inqas minn nofs siegħa.
L-attakk ħasad il-ħajja ta’ Bhavita Patel ta’ 33 sena, Matthew Si ta’ 33 sena, Yosuke Kanno ta’ 25 sena, Jess Mudie ta’ 22 sena, Thalia Hakin ta’ 10 snin u Zachary Bryant ta’ 3 xhur.