Diego Tabone, tifel ta’ ħames snin fuq l-ispettru tal-Awtiżmu dejjem kellu ix-xewqa li jilgħab il-futbol. Dejjem kien jibki biex imur jilgħab il-futbol ma’ kuġinuh iżda qatt ma seta’ jagħmel dan.
Iżda Diego issa sab l-opportunità li jilgħab dan l-isport li tant iħobb permezz ta’ proġett pilota fejn kull nhar ta’ Ħadd, tfal li huma fuq dan l-istess spettru jiltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd fil-grawnd tal-Klabb ta’ Żebbuġ Rangers.
Sefora Tabone tkellmet fuq il-ħolma ta’ binha li issa saret realtà.
Qalet kif, “Oħti kellha t-tifel jitħarreġ fin-nursery ta’ Ħaż-Żebbuġ u kellmet lill-kowċ t’hawnhekk u flimkien b’mod kollettiv għamilna dan l-isforz biex insibu tfal illi xtaqu jipprattikaw dan l-isport u bl-għajnuna ta’ kullħadd għamilniha possibbli.”
Sefora Tabone żiedet tgħid kif permezz tal-attivitajiet li jsiru matul is-sessjonijiet sportivi tal-Ħadd, rat bidla kbira fi Diego kif ukoll fit-tfal l-oħra li jattendu.
Spjegat, “Bħala bidla fit-tfal rajna ħafna, mhux f’tiegħi biss imma fit-tfal kollha. Fil-bidu kienu jiġu beżgħana u ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu u kienu jaħdmu iżjed b’mod individwali milli flimkien bħala tim. Iżjed ma għaddew ġimgħat iżjed bdejna naraw li t-tfal qed jiġu ferħanin u jafu x’inhu mistenni minnhom u minkejja l-abbilitajiet differenti li għandhom, xorta waħda jirnexxilhom jieħdu pjaċir.”
Wieħed mill-coaches responsabbli mit-taħriġ ta’ dawn it-tfal stqarr li kien hemm mija u ħamsin tifel u tifla oħra li esprimew ix-xewqa li jieħdu seħem u tkellem dwar l-attivitajiet li jsiru waqt dawn is-sessjonijiet.
Qal, “Nagħmlulhom logħob li bih jieħu pjaċir kif ukoll xi naqra futbol. Nagħmluh bħala mod volontarju f’isem iż-Żebbug Rangers. Għandi nies miegħi li jgħinuni u dak li nagħmlu nagħmluh kollu minn qalbna u l-iżvilupp li rajna huwa inkreddibbli.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inkluzjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli, kellha kliem ta’ apprezzament għal din id-deċiżjoni li ħa dan il-klabb sabiex joffru faċilitajiet u attivitajiet b’xejn lil dawn it-tfal.
Qalet kif, “Hawnhekk rajna iż-Żebbuġ Rangers Nursery li qed jagħmlu b’mod volontarju taħriġ fil-futbol għal tfal li għandhom l-awtiżmu, rajna d-differenza fil-mod ta’ kif psikoloġikament u fiżikament dawn it-tfal jirrispondu għal dan il-programm.”
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi l-bżonn li nkomplu naħdmu sabiex ħadd ma jaqa’ lura, tkun xi tkun iċ-ċirkostanza f’ħajjet il-persuna.
Bħala apprezzament, il-Ministru Julia Farrugia Portelli ppreżentat lid-diriġenti tal-klabb ċertifikat għal din l-inizjattiva, kif ukoll ippreżentat ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lit-tfal li attendew għas-sessjoni ta’ taħriġ.