Qassis ta’ 63 sena, li huwa wkoll kap ta’ skola fir-Rabat Għawdex, ma nstabx ħati li sawwat tifel li għandu. L-allegat każ seħħ f’Mejju li għadda.
Dun Karm Gauci kien qed jaffaċċja akkużi li ħebb għal student fil-Konservatorju tal-Isqof, skola primarja tar-Rabat, u wassal biex it-tifel jibża’ li se tintuża l-vjolenza kontrih.
Jidher li xi persuni lemħu dan isir, u ressqu l-każ quddiem il-Pulizija. Dawn qalu li raw lill-kap jagħti daqqiet f’wiċċ it-tifel, li meta beda’ jibki u niżel mal-art, inġibed minn għonqu mill-kap.
It-tifel ta l-verżjoni tiegħu lill-espert li tqabbad mill-Qorti, fejn qal li s-surmast ġibdu minn xagħru, ħabbatlu rasu mal-ħajt, u qaraslu għonqu. Minkejja dawn l-allegazzjonijiet, it-tifel ma kellux marki li juru li saret din it-tip ta’ vjolenza fuqu.
Is-surmast ċaħad li sawwat lit-tifel, u qal li tah biss daqqtejn ħfief, u meta t-tifel resaq lura, ħabat rasu mal-ħajt. Jidher li s-surmast għaraxlu għonqu biex iqum.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkonkluda li ma ntużatx vjolenza eċċessiva fil-konfront tat-tifel, hekk kif dan ma kellux marki fuq ġismu. Irrimarka wkoll li l-edukaturi u l-ġenituri huma obbligati li jikkoreġu t-tfal u ma jistgħux ikunu akkużati b’reat kriminali ta’ dan.