George Cordina, eks saċerdot Għawdxi li fit-tmeninijiet kien imexxi l-istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem telaq minn Malta fid-dawl ta’ bosta allegazzjonijiet t’abbuż sesswali fuq tfal minuri.
Dan ikkonfermatu kelliema għall-Kurja fejn spjegat li fuq talba li għamel Cordina stess direttament lill-Vatikan fl-2015, huwa neża’ minn qassis fl-istess żmien li s-Safeguarding Commission tal-Knisja kienet ġiet infurmata mill-Pulizija dwar dan l-allegat każi ta’ abbuż.
F’intervista esklussiva ma’ wieħed mill-allegat vittmi ta’ Cordina, ġie spjegat f’dettall dak li kien isir fiċ-ċella li Cordina kellu fl-istitut.
“Dan qed nitkellmu fl-1980, 1984 sa 1991 kienu jsiru ifhimni abbużi mhux fuqhi biss ta’ imma abbużi sesswali jiġifieri kien, hemmhekk kien hemm erbat ikmamar u fil-ġenb kellu l-kamra tiegħu, kien idaħħalna hemmhekk u kien jagħmel affarijiet sesswali fosthom kien jaqbadlek rasek u jagħmilha mal-parti ta’ ġismu.”
Il-vittma, li llum għandu 45 sena spjegalna li fl-istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem mhux kollox kien ward u żgħar hekk kif xi saċerdoti li suppost kienu qed jieħdu ħsieb tfal f’dan l-orfanotrofju allegatament spiċċaw jabbużaw sesswalment minnhom.
Ir-raġel li xtaq li jibqa’ anonimu spjegalna li dan kollu kien isir minn Dun George Cordina.
“U dan min kien jiġifieri? – Dan kien Fr George Cordina, mhux darba jew tnejn, għall-ewwel jibda qisu jintreda jew hekk miegħek, imbagħad jaqbadlek rasek u jagħmilha mal-parti ta’ ġismu”
Sostna li dawn l-affarijiet kienu jiġru ta’ spiss.
“Ta’ spiss kienu jsiru, mhux l-ewwel darba qed tifhimni kont inħobb il-ħelu dan hu.”
Mistoqsi għalfejn ħalla mal-għoxrin sena sabiex jersaq ‘l quddiem, ir-raġel stqarr li qatt m’hu faċli li titkellem dwar l-abbuż. Madankollu stqarr li dan ħalla impatt negattiv fuq ħajtu fejn saħansitra spiċċa jbati bi problemi ta’ saħħa mentali.
“Iva mela jkolli, kultant tinfaqa tibki tgħid imma jiena? Iktar ‘l quddiem jiġru ħafna episodji u li ma tkunx strong person it-tlajja tiela u nieżlin. Kell il-darba kont se nagħmel suwiċidju pero niġġiildilha”
Mistoqsija dwar x’azzjoni kienet ittieħdet bejn l-2008 u żmien li fih Cordina neża’ minn qassis, l-istess kelliema tal-Kurja qaltilna li ma tistax tagħti aktar informazzjoni.
Minn stħarriġ li għamilna, rriżulta li George Cordina bħalissa qed jgħix il-Ġermanja fejn għamel xi snin jaħdem fl-integrazzjoni tal-immigranti.
Huwa kien qed jgħix f’monasteru magħruf bħala Nikolauskloster. Dan il-post jilqa’ fih familji, membri tal-kleru u lajċi fejn flimkien jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ talb, meditazzjoni u diskussjonijiet.
Mistoqsi għalfejn Cordina qatt ma deher quddiem il-ġustizzja, kelliem għall-Korp tal-Pulizija qalilna li l-Pulizija investigat dak kollu li setgħet iżda r-reat ma setax jiġi investigat aktar minħabba li l-każ ġie preskritt.
Dan ma kienx l-unika qassis mill-istitut t’Għajnsielem li ħarġu allegazzjonijiet dwaru. Fil-fatt fl-2005, Dominic Camilleri kien ġie sospiż mill-Vatikan milli jeżerċita s-sagramenti saċerdotali wara li allegazzjonijiet dwaru kienu ħarġu fid-deher sentejn qabel.