Kien qassis uniku. Żgur għal pajjiżna. Għaliex kien miżżewweġ u anke nannu. Dun Ġiljan Refalo magħruf ħafna fil-paroċċa tax-Xagħra miet illum fl-età ta’ 92 sena u kif jgħid l-Arċipriet, il-Kanonku Dun Carmelo Refalo, it-telfa’ tiegħu se tkun waħda li tinħass. “Dun Ġiljan miet meta għalaq 25 sena iqaddes. Wara li kienet mietet il-mara tiegħu li ħa ħsiebha kemm seta’ għax kienet bid-dimensja, kien mar ħdejn l-Isqof Nikol Cauchi u talbu jibagħtu x’imkien fil-missjoni,” irrakkonta Dun Carmelo.
Iżda it-tweġiba tal-Isqof kienet biex imur ikellmu darb’ oħra u meta għamel hekk pproponielu li jsir saċerdot. “Ġiljan laqa’ din il-proposta u għamel tliet snin jistudja Ruma fejn ġab l-aħjar riżultati. U hemm ħejja għall-ordinanzzjoni saċerdotali,” qal Dun Carmelo li fisser kif Dun Ġiljan kien bniedem ta’ ċertu intelliġenza.
Hu għadda ż-żmien tiegħu fix-Xagħra u għal bidu mhux kollox kien faċli. “Ma kienx faċli li xi ħadd li kien miżżewweġ u safa armel u missier ta’ tliet itfal ikun aċċettat, iżda llum il-poplu tax-Xagħra jibki t-telfa tiegħu,” żied l-Arċipriet li fisser kif Dun Ġiljan baqa’ jmur iżur 40 marid kuljum sal-aħħar filwaqt li baqa’ attiv f’dik li hi riċerka u kitba.
Akkanit tal-football, kienet l-hena tiegħu jgħid kelmtejn mal-abbatini fuq is-suġġett, biċ-ċkejknin ta’ spiss jiġbdulu saqajh għax kien iżomm mal-Liverpool. Issa kollox għal ġimgħa d-dieħla meta jingħata l-aħħar tislima. “Il-funeral tiegħu programmat għall-Ħamis li ġej biex ikun hawn il-preżenza ta’ uliedu għax waħda minnhom trid tiġi mill-Kanada,” temm l-Arċipriet sogħbien b’din it-telfa ta’ saċerdot eżemplari u uniku fil-veru sens tal-kelma.