Fl-Iraq hemm sentiment ta’ ħerqa kbira għaż-żjara Appostolika li qed jagħmel il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fil-jiem li ġejjin.
Qal dan il-Ġiżwita Malti fl-Iraq Fr Joseph Cassar, fejn ma’ dan l-istazzjon saħaq kif din iż-żjara hija waħda storika, hekk kif Papa Franġisku huwa l-ewwel Papa li ħalla l-Belt Eterna u żar dan il-pajjiż.
Qal kif, “Il-Papa Franġisku ilu jipprova jiġi u lili stess kien qalli biex nitlob għalih xi sentejn ilu biex ikun jista’ jiġi meta kont iltqajt miegħu għal ftit minuti f’Ġunju tal-2019.”
Is-saċerdot Malti tenna kif lura lejn is-sena elfejn, il-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni xtaq u pprova jżur lill-poplu Iraqqin, iżda ma kienx irnexxielu.
Wieħed u għoxrin sena wara, is-suċċessur ta’ Pietru qed jirfes għall-ewwel darba din l-art mifnija bil-ġerħa tal-gwerer, ġlied u tensjoni.
Spjega, “Irid naħseb żewġ affarijiet ewlenin; Iqawwi lill-insara illi hawnehekk in-numru tagħhom naqas ħafna u fl-istess ħin illi jgħaddi messaġġ qawwi ta’ paċi fl-Iraq u ta’ fraternità hawnhekk f’dan il-pajjiż tant imkisser mill-gwerra għal dawn l-aħħar erbgħin sena.”
Papa Franġisku mistenni jżur il-Knisja tal-Madonna tas-Salvazzjoni fil-kapitali Bagdad. Xena li hija sinonimu mal-attakki terroristiċi minn sitt persuni tal-hekk imsejjaħ l-Istat Iżlamiku li splodew u qatlu 56 persuna, inkluż qassis.
Hawnhekk il-Papa se jkun qed iqatta’ xi ħin jitlob, fejn bis-skiet tiegħu mistenni jagħlaq ftit mill-ferita ta’ bosta li esperejnzaw dawn l-atti krudili.
Il-Ġiżwita Malti fl-Iraq qalilna li hemm naqra tħassib peress li fl-aħħar jiem seħħew attakki bil-missili mill-ajru, iżda qal li l-Papa umli qed jaħseb biss fis-sigurtà tan-nies.
Qal, “Hemm xi ftit ta’ tensjoni minħabba missili li kien hawn dan l-aħħar fejn noqgħod jien u xi jumejn ilu ftit ’il bogħod minn fejn sejjer il-Papa. Il-Papa mhux moħħu fir-riskju għalih, li jimpurtah is-sigurtà tan-nies.”
Għal dan, wieħed jifhem li l-miżuri tas-sigurtà huma ferm stretti u qawwija.
Intant, il-qofol taż-żjara se jintlaħaq permezz ta’ quddiesa li għaliha mistennija jattendu għaxart elef persunna, inkluż is-saċerdot Malti.
Fil-bidu taż-żjara l-Papa Franġisku ltaqa’ mal-Prim Ministru Iraqqin Mustafa Al Kadhimi.